COVID-19
Covid-19: Jiżdiedu l-miżuri fis-servizzi tas-saħħa

Malta qed tkompli taħseb għal possibiltà li l-każi jiżdiedu b’mod sinifikanti. Id-Direttur Ġenerali għas-Servizzi tas-Saħħa, il-Kirurgu Clarence Pace qal li sa issa t-tħejjijiet tal-aħħar xahrejn u nofs qed jagħtu r-riżultati u l-pjan ta’ kontinġenza jinkludi taħriġ speċjalizzat lill-ħaddiema li kienu fl-outpatients u żieda ta’ kważi seba’ mitt sodda, b’aktar minn mija minnhom fit-taqsima tal-kura intensiva. Il-kirurgu Pace appella lill-anzjani u persuni vulnerabbli biex jibqgħu jmorru għall-appuntamenti mediċi.

Bil-mizuri bla preċedent li qed jittieħdu biex jitrażżan it-tixrid tal-Covid-19, l-awtoritajiet tas -saħħa qed jiksbu ħin prezzjuż biex iħejju ruħhom sew biex ikunu jistghu ilahhqu mal-pazjenti f’każ li jiżdiedu f’daqqa l-kazi tal-infezzjonijiet.

“Hawnhekk l-għan tagħna hu li n-numru ta’ pazjenti bil-Covid-19, dik il-famuża ‘curve’ li dejjem nitkellmu fuqha, intawluha kemm jista’ jkun u nħalluha baxxa kemm jista’ jkun”.

Id-Direttur Ġenerali tas-servizzi tas-Saħħa, il-Kirurgu Clarence Pace kompla jgħid li ttieħdu bosta miżuri amministrattivi u żdiedu s-sodod fl-isptar biex jilqgħu għal żieda fil-pazjenti li jistgħu jirriżultaw minn din il-pandemija.

Il-Kirurgu Pace qal li ras għal ras, ir-rata ta’ sodod fl-ITU se tkun waħda mill-ogħla fl-Ewropa u spjega li l-ħaddiema u l-professjonisti li kienu jaħdmu fl-operazzjonijiet jew l-outpatients, qed jingħataw it-taħriġ biex ikunu jistgħu jaħdmu mal-pazjenti bil-Covid-19.

Id-Direttur Ġenerali dwar is-Servizzi tas-Saħħa qal li l-protezzjoni tal-ħaddiema tas-saħħa hija prijorità u f’dan ir-rigward qed jittieħdu l-miżuri kollha biex is-saħħa tagħhom tkun mħarsa.

Fid-dawl tal-avviż legali biex l-anzjani u b’mard kroniku fosthom tan-nifs u tal-qalb joqogħdu kemm jista’ jkun ġewwa, il-kirurgu Pace ħeġġiġhom biex ma jfallux l-appuntamenti tas-saħħa.

“Importanti li jibqgħu jmorru għall-appuntamenti tagħhom għax huma diġà vulnerabbli u jekk saħħithom tmur lura se jkunu aktar f’riskju li jiġu infettati bil-Covid-19, allura m’għandhomx jitilfu l-appuntament

Id-Direttur Ġenerali għas-Servizzi tas-Saħħa saħaq fuq l-importanza li kull persuna għandha sehem fit-trażżin tal-imxija fosthom billi nżommu distanza bejn xulxin anke waqt li ninzertaw f’xi kju. Argumenta li bil-koperazzjoni ta’ kulħadd, Malta tista’ tgħaddi minn dan il-perjodu fl-iqsar żmien.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Tim ta’ ħmistax-il professjonist Malti f’Londra jinsabu qrib li f’isem Puttinu Cares jixtru proprjetà fiċ-ċentru ta’ Londra b’għoxrin appartament għall-pazjenti Maltin li jitilgħu għall-kura fl-isptarijiet ta’ Londra. Il-Perit Mark Borg…

Lokali

Bis-sħana tkompli tikkarga u b’aktar nies ifittxu x-xtut u l-bajjiet, l-iskart f’dawn il-postijiet jiżdied ġmielu anke jekk l-uffiċjali mill-Ministeru għall-Ambjent qed jinnutaw titjib meta mqabbel mas-sena li għaddiet. Minkejja li…

Lokali

Surġent u sitt kuntistabbli tal-pulizija li kienu jaħdmu fit-taqsima tat-traffiku tal-korp illum tressqu l-Qorti b’akkużi ta’ frodi u dikjarazzjonijiet foloz b’rabta mal-extra duties għall-kontroll tat-traffiku li kienu miftehma jagħmlu fuq…

Aktar