COVID-19
COVID-19: L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tfaħħar lil Malta għal mod kif qed taħdem

Il-kumpanija Steward li tmexxi l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ghaddejja bi programm ta’ xogħlijiet biex iżżid is-sodod għall-eventwalità li jiżdiedu l-pazjenti bil-coronavirus. Wara li l-Gvern fetaħ ċentru tas-swabbing fix-Xewkija, fl-Isptar Ġenerali qed jitħejjew 20 sodda tal-ITU u aktar minn mitt sodda oħra f’każ ta’ ħtieġa. Fi żjara fl-Isptar Ġenerali, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li minkejja li għat-tielet jum konsekuttiv in-numru ta’ każi kkonfermati baqa’ baxx, ħadd m’għandu jillaxxka mill-obbligi tiegħu fosthom li tinżamm id-distanza bejn persuna u oħra, il-ħasil tal-idejn spiss u fejn possibbli ma jsirx ħruġ mid-dar bla bżonn.

L-awtoritajiet tas-Saħħa komplew jarmaw ruħhom għal każi ta’ covid-19 jekk l-imxija tiżdied f’Għawdex. F’konferenza tal-aħbarijiet fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li Għawdex ser ikollu mija tlieta u għoxrin sodda għal pazjenti covid u 20 oħra għal pazjenti li jkollhom bżonn kura intensiva. Qal li sittin sodda jinsabu lesti filwaqt li l-bqija se jitlestew sa ħmistax oħra.

Dr Fearne qal li għal ewwel darba f’Għawdex se jkun hemm ħażna ta’ ċilindri ta’ ossiġnu kif ukoll bulk oxygen cylinder biex anke f’każ li ma jaħdimx il-vapur bejn Malta u Għawdex l-isptar ikollu provista għat-tul. Qal li bħalma ġara f’Malta numru ta’ servizzi mediċi mhux urġenti ġew posposti sabiex isir taħriġ għall-istaff mediku.

Il-Ministru Fearne qal li minkejja l-kwistjonijiet kummerċjali u legali, Steward Health Care mxew b’mod eżemplari f’dan iż-żmien ta’ kriżi. Semma kif l-Għada Dinjija tas-Saħħa (l-WHO) faħħret lil Malta għall-mod kif qed taħdem fil-ġlieda tagħha kontra l-COVID-19.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li l-unika każ ta’ coronavirus f’Għawdex kien iżolat u s’issa jidher li ma kienx hemm tifrix.

Dr Josef Tabone spjega ma’ Television Malta it-trasformazzjoni tas-swali bħala parti mill-preparazzjoni għall-imxija.

“Milli qed naraw dawn il-pazjenti l-aktar organ support li se jkun hemm huwa l-pulmun minħabba l-fatt li dawn il-pazjenti se jbatu biex jieħdu n-nifs u għalhekk hawnhekk qed naraw dan li huwa ventilatur li se jkun qed jintuża biex jgħin il-pazjenti li huma morda għandna l-infusion pumps li qed jintużaw biex jagħtu l-mediċini.”

Dr Tabone qal li dan il-apparat huwa l-aktar wieħed meqjus sigur u effiċjenti. Tkellem ukoll draw il-kamra tal-kontroll li fiha t-tobba u l-infermiera jistgħu jindukraw il-pazjenti kull minuta.

Mistoqsi dwar il-bidliet tal-kundizzjonijiet tar-restrizzjoni fuq il-hrug għall-persuni vulnerabbli, l-Ministru Fearne qal li l-awtoritajiet qed joperaw fi żminijiet bla preċident. Qal li dan l-irfinar sar biex il-miżuri jkunu sostenibbli għall-perjodu twil waqt li ċaħad li it-tibdiliet saru minħabba nuqqas ta’ qbil mal-Prim Ministru.

Dwar il-bini ta’ sptar prifabrikat f’Malta, il-Ministru Fearne qal l-investigazzjoni amministrattiva fuq l-allegazzjonijiet li għamel id-deputat nazzjonalista Jason Azzopardi għadha għaddejja. Żied jgħid iżda li l-kumpanija li ssemmiet minn Dr Azzopardi lanqas biss għamlet offerta biex twettaq il-proġett.

Aħbarijiet Oħra
Immigrazzjoni

Wara kważi erbgħin jum fuq il-baħar, il-Gvern Malti ddeċieda li jdaħħal f’Malta lill-immigranti li kienu qed jinżammu barra t-territorju Malti. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li s-sitwazzjoni fuq dawn il-vapuri saret…

Enerġija

L-istudju għall-impatt ambjentali għall-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija ġie sottomess lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, ERA, waqt li l-awtoritajiet kompetenti fl-Italja qed jiffinalizzaw l-istudji biex jiġi ppreżentat ukoll ir-rapport tal-impatt…

Stejjer Umani

Imweġġa’ bil-qtil brutali tal-Afro Amerikan George Floyd fl-Istati Uniti u bil-qtil razzista wkoll tal-immigrant Lassana Cisse s-sena li għaddiet, Martina Borg marret fuq il-midja soċjali b’messaġġ emozzjonali kontra r-razziżmu. It-tfajla…

Aktar