COVID-19
Covid-19: Żewġ Maltin li jgħixu f’Londra jitkellmu dwar kif ħajjithom inqelbet ta’ taħt fuq

Waqt li Londra qed tgħix waħda mill-agħar sigħat tagħha minħabba l-pandemija, żewġ Maltin li jgħixu fil-kapitali Ingliża, żagħżugħ u anzjan, tkellmu ma’ Television Malta dwar dak li qed iħabbtu wiċċhom miegħu. Irrimarkaw is-sagrifiċċji li qed jagħmlu f’dan il-perjodu, bogħod mill-familja u magħluqin f’darhom biex jevitaw li jimirdu bil-Covid.

Teddy Cassar u martu Theresa ilhom 40 sena jgħixu fiċ-ċentru ta’ Londra. Il-Malti ta’ 76 sena li kien jaħdem mar-Royal Navy stqarr li bis-sitwazzjoni diffiċli li tinsab fiha l-kapitali Ingliża riżultat tal-COVID, ilu 5 xhur ma jara lil ibnu u l-familja tiegħu li joqgħodu 20 minuta ‘l bogħod bil-karozza.

”Għandi n-neputija tgħidx kemm ili ma naraha. Kibret, għandha kważi 12-il sena ħlief fuq it-telephone ma nkellimhiex.”

Is-Sur Cassar qal li mhumiex joħorġu, lanqas biex jixtru l-bżonnijiet ta’ kuljum billi it-tifel qed jordnalhom u jibgħatilhom ix-xirja wara l-bieb tad-dar. Semma kif kuljum qed isegwi l-quddies online minn fuq TVM, minħabba li l-knejjes huma kollha magħluqin.

”Noħroġ eżempju nduru lejn St Paul’s dejjem fejn ma jkunx hemm nies forsi nagħmlu kwarta u nofs siegħa minħabba ċ-ċikrolazzjoni – ma tridx toqgħod bilqiegħeda l-ħin kollu għax timrad.”

Is-Sur Cassar, li għadu qed jistenna biex jieħu t-tilqima, qal li jaf b’erba’ Maltin li kienu jgħixu Londra li mietu bil-COVID fl-aħħar xhur.

Anke ż-żagħżugħ Yandrick Agius li qed jistudja f’Londra rrakkonta ma’ TVM kemm qed jgħix sitwazzjoni diffiċli għax minkejja li fi tmiem il-ġimgħa s-Sindku ta’ Londra Sadiq Khan qal li wieħed minn kull tletin persuna fil-kapitali Ingliża għandhom il-virus, it-toroq baqgħu mimlija attività.

L-istudent Malti qal li filwaqt li għadu jaraha stramba kif b’differenza minn Malta, l-ilbies tal-maskra mhux obbligatorju fir-Renju Unit waqt li wieħed ikun miexi fit-triq, il-ħruġ hu ristrett.

”Skont linji gwida tal-Gvern irrakkomandat li tibqa’ fil-lokalità tiegħek, l-aktar tagħmel eżerċizzju darba f’ġurnata u tistà tara persuna waħda minn household oħra u tiltaqgħu barra.”

Is-Sur Agius qal li fil-lockdown ta’ Novembru għażel li jibqa’ Malta, billi l-lezzjonijiet kienu online. Qal li dan kien diffiċli u minkejja r-restrizzjonijiet għażel li jsegwi kollox mill-kamra tiegħu f’Londra.

”Jista’ jkun li s-sena tiġi on pause u bi ħsiebhom idawru l-ġimgħat differenti bil-holidays biex nieħdu l-ħin li tlifna fil-holidays u hemm ċans nibqgħu għaddejjin fis-sajf.”

It-tama taż-żewġ Maltin hi li kollox jerġa’ lura għan-normal fil-qrib.