Ekonomija u Finanzi
Creditreform tikkonferma r-rating A+ għal Malta

L-aġenzija Ġermaniża tal-credit ratings, Creditreform ikkonfermat ir-rating ta’ Malta fil-livell ta’ A+ filwaqt li kkonfermat il-prospetti tal-ekonomija għal stabbli. L-ekonomisti Ġermaniżi qalu li minkejja l-impatt tal-pandemija, l-andament tal-ekonomija Maltija kien aħjar minn dak tal-bqija tal-Unjoni Ewropea li huwa dovut għall-miżuri ekonomiċi li ħa l-Gvern waqt il-pandemija, u li dan ser jgħin fl-irkupru tal-ekonomija s-sena d-dieħla.

F’rapport tal-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu Creditreform, li tanalizza d-diversi aspetti tal-ekonomija, l-ekonomisti tal-aġenzija Creditreform ikkonfermaw ir-rating ta’ Malta fil-livell ta’ A+ filwaqt li qalu l-prospetti tal-ekonomija Maltija huma stabbli. L-aġenzija qalet li fl-aħħar snin Malta kisbet legat ta’ tkabbir ekonomiku li huwa ogħla minn taż-żona Ewro. Żiedu jgħidu li r-reżiljenza tal-ekonomija Maltija huwa dovut fost oħrajn għad-diversifikazzjoni tas-setturi ekonomiċi.

Dwar l-impatt tal-pandemija qalu li l-andament tal-ekonomija kien aħjar minn dak tal-bqija tal-Unjoni Ewropea li huwa dovut għall-miżuri ekonomiċi li ħa l-Gvern waqt il-panndemija. Qalu li dan wassal ukoll biex saħansitra, numru ta’ setturi fil-qasam diġitali li tejbu l-operat u d-dħul grazzi għall-mudell sofistikat tal-ekonomija Maltija.

L-ekonomisti Ġermaniżi qegħdin ibassru li bl-għajnuna ekonomika tal-Gvern li n-negozji, il-prospetti għas-sena d-dieħla huma li ser tkun sena ta’ rkupru ekonomiku b’saħħtu, bl-ekonomija mistennija tikber b’4.5%.

Dan fost oħrajn ser ikun xprunat mill-pakkett ta’ fondi Ewropej li għandu l-potenzjal li jagħmel tajjeb għall-impatt negattiv tal-pandemija fuq l-ekonomija, u jista’ jwassal għall-irkupru ekonomiku aktar qawwi minn dak imbassar.

L-ekonomisti ta’ Creditreform qalu li d-deficit rreġistrat din is-sena mistenni jkun ta’ 9.7 fil-mija, kemmxejn aktar mid-deficit ta’ 9.4% li bassar il-Gvern għal din is-sena. Żiedu jgħidu li meta tingheleb il-pandemija, s-sena dieħla d-defiċit mistenni jinżel għal 6.1%.

Dwar l-istituzzjonijiet, l-analisti Ġermaniżi qalu li Malta għadha lura mill-medja Ewropea fir-rigward tal-perċezzjoni dwar il-korrruzzjoni kif ukoll tal-ħelsien tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni.

Minkejja dan ir-rapport jinnotta lil-awtoritajiet Maltin qegħdin jagħmlu sforz qawwi biex jikkumbattu l-ħasil tal-flus, l-iffinanzjar tat-terroriżmu u biex tissaħaħ is-sistema ġudizzjarja. L-aġenzija qalet li temmen li l-Gvern Malti huwa kommess li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mir-rapport tal-Moneyval tal-Kummissjoni Ewropea.

L-aġenzija qalet li l-previżjonijiet tar-rapport iridu jittieħdu fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19.