Lokali
Cruise liner b’każ pożittiv tal-COVID-19 ma jitħalliex jidħol Malta

Cruise liner li kien fi triqtu għal Malta twaqqaf milli jidħol f’pajjiżna wara li passiġġier abbord ħareġ pożittiv għall-COVID-19.

Il-vapur tal-kumpanija tal-linja tat-tbaħħir MSC Seaside telaq minn Sirakuża fi Sqallija fl-1 ta’ Ġunju u kien fi triqtu għal Malta bħala parti minn vjaġġ ta’ sitt ijiem fil-baħar Mediterran. Il-każ seħħ proprju t-Tnejn meta għall-ewwel darba fi ħdax-il xahar, pajjiżna ma rrapporta ebda każ pożittiv.

Kelliema għall-awtorijiet tas-saħħa kkonfermat li l-cruise liner kien fi triqtu għal Malta meta passiġġier abbord ħassu ma jiflaħx. Qalet li skont il-protokolli stabbiliti tal-MSC u hekk kif approvat mill-awtoritajiet tas-saħħa, il-passiġġier ġie ttestjat u ħareġ pożittiv għal virus.

Hija qalet li l-vapur baqa’ għaddej bil-vjaġġ tiegħu mingħajr ma waqaf f’Malta.

Skont il-protokolli tal-MSC, il-passiġġieri kollha abbord iridu jagħmlu t-testijiet meħtieġa tal-COVID-19 qabel jitilgħu fuq il-vapur. Fl-istess waqt iridu jipprovaw li ġew imlaqqma kompletament.