Unjoni Ewropea
Cyrus Engerer jinħatar negozjatur ewlieni tas-Soċjalisti dwar riżoluzzjoni fuq il-persuni LGBTIQ

Il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer inħatar bħala negozjatur ewlieni tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S&D) dwar riżoluzzjoni storika li tiddikjara l-Unjoni Ewropea kollha bħala żona ta’ libertà għall-persuni LGBTIQ.

Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista ntqal li r-riżoluzzjoni qed issir fl-isfond tal-kontroversji li nqalgħu fil-Polonja u fl-Ungerija, fejn dawn il-pajjiżi qed  jiddiskriminaw b’mod partikolari kontra n-nisa, ‘single-parents’ u familji LGBTIQ.

Is-Sur Engerer qal li b’din ir-riżoluzzjoni l-Parlament Ewropew qed jibgħat messaġġ ċar u qawwi li l-persuni LGBTIQ mhumiex ideoloġija. “Aħna nies bi drittijiet fundamentali u ħadd, lanqas Stat Membru tal-Unjoni Ewropea ma jista’ jcaħħadna minn dawn id-drittijiet.”

Żied li l-istituzzjonijiet Ewropej ma jistgħux ikomplu jgħalqu għajnejhom għal mod li qegħdin jiġu ttrattati bih persuni LGBTIQ mill-Prim Ministru tal-EPP Victor Orban fl-Ungerija u mill-Gvern Pollakk tal-PiS.

Is-Sur Engerer ikkonkluda billi qal li hu ta’ unur u privileġġ li ġie magħżul mis-Soċjalisti għal din il-ħidma storika, tliet xhur wara li ġie elett fil-Parlament Ewropew. “Dak li għamilna Malta matul dawn l-aħħar snin, issa jrid jiġi estiż mal-kumplament tal-Unjoni Ewropea.