LGBTIQ
Cyrus Engerer se jmexxi grupp ta’ ewroparlamentari fit-tfassil ta’ riżoluzzjoni li tikkundanna lill-Gvern Ungeriż

L-ewroparlamentari Cyrus Engerer għadu kif ġie maħtur biex jikteb u jmexxi n-negozjati fil-Parlament Ewropew f’riżoluzzjoni li tikkundanna l-Gvern Ungeriż għall-ksur tal-liġijiet tal-UE.

Kien il-Partit Laburista li ħabbar kif Engerer ingħata r-responsabbiltà li jmexxi grupp ta’ ewroparlamentari, wieħed minn kull grupp politiku, biex ifasslu riżoluzzjoni li għandha tiġi diskussa u vvutata fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew, li se ssir fi Strasburgu l-ġimgħa d-dieħla.

Il-Gvern Ungeriż, immexxi mill-Prim Ministru Viktor Orban, ilu taħt l-osservazzjoni dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni Ewropea bl-aħħar deċiżjoni tiegħu tkun dik li jwaqqaf kull tip ta’ materjal u lezzjonijiet dwar id-diversità tal-ġeneru u l-orjentazzjoni sesswali fl-iskejjel.

Din l-leġislazzjoni kienet fil-mira ta’ ħafna kritika u saħansitra nħolqot kontroversja waqt il-Euro 2020 hekk kif il-kunsill tal-belt ta’ Munich ried jixgħel l-Allianz Arena bil-kuluri tal-qawsalla imma ma ngħatax permess mill-UEFA.

Il-leġislazzjoni ġiet kkritikata ukoll minn bosta għaqdiet minn madwar id-dinja li jaħdmu favur id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll mill-maġġoranza tal-Prim Ministri tal-pajjizi tal-UE, fosthom dak Malti Robert Abela, li l-ġimgha l-oħra ffirmaw ittra fejn wiegħdu li jiġġieldu d-diskriminazzjoni mmirata lejn l-komunità LGBTIQ.

Engerer irrimarka li huwa u t-tim li se jmexxi se jsejjħu lill-UE biex tieħu azzjoni legali mmedjata kontra l-Gvern Ungeriż u nsista li m’hawn l-ebda post għall-politika ta’ mibgħeda fl-UE.