
Il-kandidat Gavin Gulia ġie elett fl-elezzjoni każwali ta’ dalgħodu fis-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar biex jimtela s-siġġu vakat minn Prof Edward Scicluna, li ħa l-kariga bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali.
It-tliet kandidati li kienu qed jikkontestaw din l-elezzjoni kienu l-eks Sindku Laburista tar-Rabat Charles Azzopardi, l-eks Deputat Laburista Gavin Gulia u l-eks Deputat Nazzjonalista Jeffrey Pullicino Orlando, li fl-aħħar elezzjoni ġenerali kien kandidat tal-Partit Laburista.
Għall-ħabta tal-10.30am Charles Azzopardi ġie eliminat hekk kif fl-ewwel għadd kiseb 1,028 vot, biex it-taqtigħa għas-siġġu kompliet bejn Gulia u Pullicino Orlando.
Iktar tard kien ikkonfermat li fl-ewwel għadd Gulia kiseb 1,486 waqt li Pullicino Orlando kiseb 1,479, b’distakk biss ta’ seba’ voti bejn iż-żewġ kandidati. Il-proċess issokkta bl-għażla tal-voti ta’ Azzopardi, fejn 730 minnhom intirtu minn Gulia, waqt li Pullicino Orlando wiret 271.






Dr Gulia ilu nieqes mill-Parlament sa mill-2013 u f’dawn l-aħħar snin okkupa l-kariga ta’ Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. L-Avukat Gulia ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament fl-1996 meta l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Dr Alfred Sant, kien ħatru Segretarju Parlamentari għas-Self Employed u iktar tard Ministru tal-Ġustizzja.
Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar jekk hux se jibqa’ jokkupa l-kariga attwali ta’ Chairman tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, Dr Gulia wieġeb li mhux se jibqa’ jokkupa din il-kariga. Qal li jaf l-obbligi tiegħu u se jservi bl-aqwa mod bħala membru parlamentari kif dejjem għamel fil-passat.