Kronaka
AĠĠORNAT: Student mixli li ħebb għal żewġ żgħażagħ f’aggressjonijiet separati

Ġuvnott ta’ 14-il sena mill-Imsida, li ismu ma jistax jixxandar minħabba li għadu minorenni, tressaq fil-Qorti kemm b’rabta mal-argument li seħħ ftit tal-jiem ilu f’Tas-Sliema kif ukoll ma’ ieħor li kellu erbat ijiem qabel f’Tal-Pietà.

Il-ġuvnott, li għadu student, kien akkużat li fit-23 ta’ Lulju kkaġuna ġrieħi gravi lil żagħżugħ ta’ 24 sena fid-dar tal-vittma f’Tal-Pietà.

Huwa kien mixli wkoll li fis-27 ta’ Lulju, f’Tas-Sliema, ikkaġuna ġrieħi gravi lil Ingliż ta’ 21 sena.

Fil-preżenza tal-ġenituri tiegħu ż-żagħżugħ qal li fiż-żewġ okkażjonijiet huwa kien qed jiddefendu lilu nnifsu.

Madankollu l-Pulizija qed tinsisti li anke jekk dan kien minnu huwa ddefenda lilu nnifsu b’mod sproporzjonat tant li uża sikkina.

Il-Maġistrat Monica Vella laqgħetlu t-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €3,500.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispetturi Roderick Attard u Jessica Bezzina.