Qorti
L-armla tal-Avukat Carmel Chircop tirrakkonta kif rat l-ewwel indikazzjoni tal-qtil fuq Facebook

Quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo kompliet tinstema l-kumpilazzjoni fil-konfront tal-aħwa Robert u Adrian Agius, Jamie Vella u George Degiorgio.

Huma qed jiffaċċjaw akkużi b’rabta ma’ żewġ qtil, dak ta’ Daphne Caruana Galizia fis-16 ta’ Ottubru 2017 u tal-Avukat Carmel Chircop li seħħ fit-8 ta’ Ottubru 2015 f’Birkirkara.

Ix-xhud ewlenija fis-seduta tal-lum kienet Mary Rose Chircop, il-mara tal-Avukat Chircop fejn irrakkontat kemm dak li għaddiet minnu fil-jum li nstab maqtul żewġha imma anke r-relazzjoni fin-negozju bejnu u Adrian Agius.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Keith Arnaud, l-Ispetturi Shawn Pawney u Wayne Camilleri u l-Avukat George Camilleri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

L-aħwa Agius u Vella għandhom jiddefenduhom lill-Avukati Alfred Abela u Renè Darmanin waqt li Degiorgio għandu jiddefendih lill-Avukat William Cuschieri.

L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed tidher għall-familja Caruana Galizia waqt li l-Avukat Vincent Galea qed jidher għall-familja tal-Avukat Chircop.

9.30 a.m. Mary Rose Chircop, l-armla tal-Avukat Carmel Chircop, bdiet tixhed dwar dakinhar li żewġha nstab maqtul.

Hija qalet li marret tiġborlu l-ittri reġistrati, sakemm hu ftit qabel is-7.00 a.m. telaq għax-xogħol, u rrakkontat kif għall-ħabta tat-8.00 a.m. ċemplitlu tliet darbiet imma r-raġel ma weġibx il-mobile.

Chircop kompliet li ftit tal-ħin wara ċemplet oħt l-Avukat Chircop, li hija soru, fejn b’leħen inkwetat qaltilha sabiex tiċċekja Facebook. Kien hawn li daħlet Facebook u rat miktub it-titlu ‘Birkirara lawyer shot dead.’

Hawn ġriet lejn l-għassa, staqsiet minn kien l-avukat li nqatel u l-kuntistabbli fl-għassa qaltilha li ma tistax tgħid min hu sakemm jasal is-surġent. Sadanittant bdew ħerġin il-fatti fuq il-midja bil-kumplament tal-familja tmur ħdejha l-għassa.

Bid-dmugħ f’għajnejha rrakkontat li t-tifel tagħha, li hu tifel waħdu, inzerta ma’ kellux lezzjonijiet l-Università dakinhar minħabba li kieku kien ikun flimkien ma’ missieru joħroġ il-karozza tiegħu mill-garaxx.

9.49 a.m. Mistoqsija jekk tagħrafx lil xi ħadd fl-awla tidentifika lil Adrian Agius, wieħed miż-żewġt aħwa magħrufa bħala tal-Maksar.

Hija qalet li r-raġel tagħha għamel kuntratt ta’ debitu ma’ kumpanija li Adrian Agius u Ryan Schembri kienu diretturi tagħha. Wara li Ryan Schembri ħarab minn pajjiżna, il-kumpanija kienet għad taf lill-Avukat Chircop €600,000.

Adrian Agius ftiehem mal-avukat li se jgħaddilu pagament kull xahar sabiex jitħallas dan id-dejn. Wara li d-dejn ma tħallasx, Adrian Agius offra lill-avukat sabiex minflok jgħaddilu villa.

L-armla rrakkontat li flimkien mar-raġel tagħha marru biex jaraw il-villa, liema villa qalet li m’għoġbitx la lilha u lanqas lill-Avukat Chircop u qalet li kien is-Sajf tal-2015 meta marru jaraw din il-villa.

Mistoqsija jekk tafx għalfejn sar dan id-dejn mal-Avukat Chircop wieġbet li ma kinitx titkellem mar-raġel dwar xogħol.

10.00 a.m. Arnaud baqa’ jistaqsi lill-armla kif baqgħu l-partijiet dwar x’se jsir mis-self wara li l-villa m’għoġbitx la lilha u lanqas lil żewġha.

Hija qalet li tiftakar lill-Avukat Chircop jistaqsi lil Adrian Agius jekk hux se jibqa’ jgħaddilu l-pagamenti b’Agius jikkonferma li se jibqa’ jagħmel dan waqt li semmiet kif spiċċaw bejniethom fuq termini tajbin u li marru lura lejn id-dar.

Chircop irrakkontat kif f’Settembru, għalll-anniversarju, marru vakanza l-Italja u dak iż-żmien irċieva telefonata u meta wieġeb semgħatu jgħid “Adrian, diġà qabbiżt il-pagamenti. Issa ejja kellimni l-uffiċju biex naraw x’se nagħmlu”.

Meta spiċċat it-telefonata r-raġel qalilha li kien Adrian Agius u li kellu jmur ikellmu l-uffiċju t-Tlieta ta’ wara, l-għada li jiġu mis-safar, biex jaraw kif se jipproċedu.

Mistoqsija dwar it-tonalità tiegħu fuq it-telefon qalet li qatt ma kien hemm ton ta’ ġlied bejn il-partijiet u saħqet li r-raġel tagħha minnu kien jitkellem bil-mod.

Hawn is-Supretendent Arnaud staqsiha llum-il ġurnata jekk irċevewx dawn il-fondi u hija wieġbet li wara l-mewt tar-raġel tagħha, sena wara Agius fetaħ kawża kontrihom sabiex iwaqqa’ l-kawża u għaddielhom somma flus sabiex jiġi xolt il-kuntratt.

Arnaud itemm id-domandi tiegħu.

10.05 a.m. Is-seduta ġiet sospiża għal 15-il minuta sabiex l-armla tal-Avukat Carmel Chircop tkun tista’ toħroġ mill-Awla 22 sakemm isirilha il-kontro-eżami.

10.20 a.m. Dawk involuti fil-kawża jirritornaw fl-awla. Issa se jkun l-Avukat Abela li se jistaqsi lix-xhud.

L-Avukat Abela staqsiha jekk qattx semgħet lir-raġel jgħajjat ma’ Adrian Agius. Hija weġbitu li le u li dejjem tkellmu b’mod kalm bejniethom.

L-istess avukat staqsa x’kienet il-prassi rigward il-karozza tiegħu u hija qalet li mhux dejjem kien idaħħalha. Hija kienet tgergirlu għax iħalliha barra u tistaqsih xi xtara l-garaxx jagħmel.

L-armla kompliet li dakinhar tad-delitt kienu hi u t-tifel tagħha li xehdu quddiem il-maġistrat inkwirenti.

L-Avukat Abela staqsiha tikkonfermax jekk kienux huma li ma riedux il-villa u li mhux Adrian Agius li ma riedx jgħaddilhom din il-villa. Hija kkonfermat dan il-fatt.

Dwar il-kuntratt bejn żewġha u Adrian Agius qalet li ma kellha ebda idea x’kien jgħid il-kuntratt.

Hawnhekk tintemm ix-xiehda tal-armla tal-vittma.

10.35 a.m. Issa qed jixhed Gordon Cutajar, rappreżentant ta’ Transport Malta. Huwa esebixxa dokumenti legali li juru li d-dgħajsa bl-isem “Maya” ġiet trasferita lil Alfred Degorgio mingħand persuna oħra fi Frar tal-2017. “Maya” hija d-dgħajsa li minnha allegatament ġiet attivata l-bomba fil-karozza li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.

10.50 a.m. Fuq il-pedana tax-xhieda issa l-Ispettur Anton Cilia li mar fuq il-post fejn seħħ il-qtil ta’ Caruana Galizia. Huwa jirrakkonta kif daħlet telefonata fil-‘control room’ tal-Pulizija li qalet li rat karozza tisplodi fil-Bidnija u li l-karozza baqgħet sejra f’għalqa.

L-Ispettur Cilia qed isemmi liema kienu l-uffiċjali tal-Pulizja li kienu fuq il-post, u ta dettalji ta’ x’ħin waslu fuq il-post dawn l-uffiċjali. Huwa żied li mal-wasla tiegħu fuq il-post li ra karozza taqbad u biċċiet umani mxerrda mal-art.

10.55 a.m. Is-seduta sospiża sal-11.20

11.45 a.m. Tixhet l-Ispettur Oriana Spiteri li rrakkontat kif irċevew telefonata mingħand persuna bl-isem ta’ Augustine Grixti li fiha qalet li f’garaxx Birkirkara kien hemm persuna bla ħajja.

Hija tkellmet max-xhud li qalilha li kellu garaxx fl-istess kumpless u għall-ħabta tas-7.15 a.m. mar joħroġ il-karozza tiegħu iżda ra katavru u ċempel lill-Pulizija.

L-Ispettur Spiteri qalet li ħadet ukoll xi notamenti ta’ persuni fl-istess kumpless li qalu semgħu xi tiri iżda ma raw xejn.

Ix-xhieda tal-Ispettur Spiteri tintemm hawn.

11.50 a.m. Issa qed jixhed uffiċjal ieħor tal-Pulizija, Mario Fenech, li qal li kien preżenti sabiex jagħlaq it-triq li fiha sar id-delitt tal-Avukat Carmel Chircop.

11.52 a.m. Tela’ jixhed is-Surġent Juan Mula li qal li kien qiegħed fl-istazzjon f’Ta’ Kandja u daħlet telefonata li kien hemm karozza taqbad fil-Bidnija. Huwa qal li meta kienu Ħaż-Żebbuġ daħlet telefonata oħra li qaltilhom li kienet karozza bomba.

Is-Surġent Mula spjega kif meta wasal fuq il-post sab argument bejn żewġ persuni u rrakkonta kif il-karozza ħalliet warajha triq ta’ nar minn fejn splodiet sa’ fejn fejn waqfet il-karozza fejn kienet għadha taqbad.

Ix-xhud qed jiġi muri ritratti li ħa hu stess u kkonferma li kien hu li ħa dawn ir-ritratti u qal li kien għaddihom lill-ispettur inkarigat.

12.00 Ix-xhud li jmiss, il-Kuntistabbli Roderick Vassallo, qal li huwa kien fl-istazzjon f’Ta’ Kandja dakinhar li mietet Daphne Caruana Galizia. Huwa wkoll semma kif kien hemm argument bejn żewġ persuni u li xogħolu kien li jżomm lin-nies ‘l bogħod mix-xena tad-delitt.

12.10 p.m. Issa qed tixhed uffiċjal mill-International Relations Unit li qalet li dakinhar tal-qtil ta’ Carmel Chircop ġew infurmati li saru xi sparaturi fi Triq Gianni Borg f’Birkirkara u li kien hemm persuna mal-art.

Hija qalet li ltaqgħu mal-persuna li ċempel fejn b’mod aġitat qal li kien hemm kadavru fuq ġewwa u spjegat kif daħlu ġewwa sabu persuna mitluqa wiċċha ‘l isfel f’għadira demm.

Hemmhekk raw bagalja u ġlekk ma’ ġenbu u qalet li wara l-investigazzjonijiet tagħhom irriżulta li r-raġel kien fil-fatt l-Avukat Chircop.

Meta tkellmet ma’ mart il-vittma din infurmatha bil-ftehim ta’ self li kien hemm ma’ Adrian Agius, tal-Maksar. Hija kompliet tixhed li miegħu kien hemm involuti Ryan Schembri u Etienne Cassar.

Xhud ieħor informa lill-Pulizija li darba fost oħrajn, ftit taż-żmien qabel il-qtil, kien sema’ lill-Avukat Chircop f’Tigne Point jitkellem fuq il-mobile b’mod aġitat u jgħid “meta se tagħtini pagament, għax issa l-paċenzja qed tispiċċali.”

Dan il-persuna tat id-data u l-ħin ta’ meta semgħet lill-Avukat Chircop jgħid dan il-kliem bil-Pulizija tinvestiga mal-Melita lil min kien qed ikellem dak il-ħin l-avukat.

Wara li rriżulta li l-persuna fuq in-naħa l-oħra tal-linja kienet Adrian Agius dan ġie arrestat fejn qal li ma kienx involut fil-qtil u li kien barra minn Malta. Huwa qal ukoll li kien qed iħossu vittma ta’ dan kollu minħabba li Ryan Schembri kien ħarab minn Malta u Etienne Cassar ma kellux flus biex iħallas għad-dejn li kienu għamlu.

12.15 p.m. Is-seduta sospiża san-12.30 p.m.

12.30 p.m. Bħalissa qed jixhed l-Ispettur Kurt Zahra li flimkien mas-Supretendent Arnaud investiga d-delitt ta’ Caruana Galizia. Huwa qed jagħti rendikont dettaljat tal-investigazzjoni li saret dwar l-imsemmi delitt u semma kif fost is-suspettati kien hemm l-aħwa Agius, Jamie Vella u George Degiorgio.

13.25 p.m. Il-kumpilazzjoni tieqaf hawn u se tkompli għada għall-ħabta tat-8.30 a.m.