Qorti
AĠĠORNAT: Melvin Theuma jallega li kien hemm intermedjarju ieħor fil-qtil

Kompliet id-drama fil-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fost oħrajn, Melvin Theuma, li qed jixhed bil-proklama, xehed li kellu informazzjoni li l-aħwa Degiorgio kienu mhedda li jinqatlu jekk jikxfu l-involviment tal-eks mnistru Chris Cardona fil-każ. Huwa implika wkoll persuna li għadha ma ġietx identifikata, li qal kienet ukoll intermedjarju fil-kumplott biex tinqatel Daphne Caruana Galizia.

F’seduta oħra tal-kumpilizzjoni kontra Fenech, mixli li kien il-moħħ fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-Qorti ngħatat it-traskrizzjonijiet ta’ siltiet mill-128 audio file ta’ diskursati li Melvin Theuma kellu mal-akkuzat li mhux kollha jiftehmu.

Reġa’ ssemma l-eks Ministru Chris Cardona li ismu kien f’mobile li nstab fil-baħar wara r-rejd tal-pulizija fit-tinda tal-patata, meta ġew arrestati l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat.

L-Ispettur Keith Arnaud staqsa x-xhud Melvin Theuma, li qed jixhed bil-proklama, kif sar jaf dwar dan, u Theuma wieġbu li kien Fenech li qallu dwar dan. Qal li Fenech kien qallu wkoll li Cardona kien jitkellem spiss ma’ Alfred Degiorgio. Theuma xehed li l-aħwa Degiorgio kienu mhedda mill-avukat David Gatt li jinqatlu jekk jikxfu l-irwol li l-eks ministru Cardona kellu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Ix-xhud qal li din l-informazzjoni ngħatatlu minn ħuhom, Mario Degiorgio. Theuma allega li kien hemm intermedjarju ieħor li ismu jibda bl-ittra B, li għadda l-flus mingħand Dr Cardona lil Alfred Degiorgio. Mistoqsi mill-Avukat Jason Azzopardi jekk il-laqam tal-persuna kinetx il-Bigly, Theuma qal li ma jiftakarx fiċ-ċert. Theuma qal li Fenech kien qallu li Dr Cardona kellu jiddaħħal l-isptar minħabba overdose ta’ pilloli għax kien inkwetat bil-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia.

Ix-xhud qal li meta kien fir-razzett ta’ Fenech f’Ħaż Żebbuġ, kien ra lill-eks deputat kummissarju tal-pulizija Silvio Valletta, li kien qed jinvestiga l-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia. Theuma qal li kien staqsa lil Fenech jekk kienx qal xi ħaġa fuqu, u l-akkużat qallu biss li Valletta qal li wiċċ Melvin ma kienx ġdid għalih. Theuma xehed ukoll li Fenech kien qallu li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien mar jiekol miegħu fir-razzett tiegħu f’Ħaż-Żebbuġ.

Mistoqsi għal referenzi li saru fil-konverżazzjoni ma’ Fenech dwar 350, li iżjed tard speċifika li kienu tliet mija u ħamsin elf ewro. Theuma qal li kien Johann Cremona li huwa imprenditur fis-suq tal-gaming li kien qallu kif tħallsu l-aħwa Degiorgio biex jesegwixxu l-qtil ta’ Caruana Galizia.

Il-kumpiliazzjoni quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello tkompliet għall-ewwel darba mindu f’Marzu l-qrati ssospendew is-seduti minħabba l-Covid-19. Is-smigħ sar fl-ikbar awla tal-qorti biex tkun irrispettata d-distanza soċjali fost dawk preżenti, li inkludew, fost oħrajn, familjari tal-akkużat u tal-vittma.

Chris Cardona u Adrian Delia jirreaġixxu

Min-naħa tiegħu, Dr Cardona ċaħad l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu fix-xhieda fil-Qorti. Waqt li sejħilhom gideb u frame-up kontrih imsejsa fuq x’allegament qal wieħed lill-ieħor, hu ċaħad ukoll li qatt sofra overdose u li daħal l-isptar minħabba dan.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, ċaħad fi stqarrija li qatt iltaqa’ ma Yorgen Fenech wara li ħarġet l-aħbar li kien involut fil-kumpanija 17 Black.

Aħbarijiet Oħra
Infrastruttura

Infrastructure Malta għażlet żewġ artisti u żewġ ditti tal-arkitettura minn Malta, Ċipru u r-Rumanija sabiex jipproduċu erba’ xogħlijiet artistiċi kbar għaż-żoni bis-siġar u passaġġi madwar il-flyovers tal-Marsa Junction Project wara…

Kultura

Il-parruċċani tas-Siġġiewi 320 sena ilu kkummissjonaw żewġ biċċiet tal-arti, kurċifiss u kwadru li flimkien jirrappreżentaw ix-xena tal-golgota fi tliet dimensjonijiet. Din l-opra tal-arti kienet saret f’Ruma. F’dan iż-żmien kemm il-kurċifiss…

Stejjer Umani

Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi illum qed jiċċelebra l-24 anniversarju tal-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu. Fuq il-paġna tiegħu fuq facebook, Fr Martin filwaqt li radd ħajt lil Alla għal dak kollu…

Aktar