Lokali
FILMAT: Suspettat fil-bomba tal-Fgura jinħareġ taħt arrest mill-garaxx f’Birżebbuġa

Fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, uffiċjali mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali qed jistudjaw jekk bil-provi li għandhom f’idejhom jistgħux iressqu persuna jew aktar il-qorti b’rabta mat-tqegħid ta’ bomba ma’ vettura fil-Fgura. Il-każ imur lura xahrejn u nofs u l-bomba ma kinitx ħadet.

Fuq barra, it-tfittxijiet reġgħu kienu kkonċentrati f’garaxx f’Birżebbuġa fejn il-Pulizija ħadet fuq il-post lis-sid tal-garaxx, li hu wieħed mill-arrestati.

Sorsi infurmati qalu li fil-postijiet fejn saru tfittxijiet, il-Pulizija sabet oġġetti li jistgħu jorbtu ma’ bombi li saru fil-passat, xi sigaretti tal-kutrabandu u sinjali wkoll tal-użu tad-droga.

Interċettar ta’ telefonati mis-Servizz tas-Sigurtà u ġimgħat ta’ sorveljanza il bogħod mill-għajn minn pulizija pajżana kienu l-bażi li wasslu biex il-Ħamis il-Pulizija arrestat erba’ rġiel bħala parti mill-investigazzjoni dwar l-attentat ta’ splużjoni ta’ bomba ma’ karozza fi triq residenzjali fil-Fgura. Il-każ imur lura għar-raba’ jum ta’ din is-sena meta l-bomba ma ħaditx. Sorsi qrib l-investigazzjoni qalu li l-bomba nnifisha, speċjalment is-SIM card li għal xi raġuni ma skattatx l-isplussiv, kienu kruċjali biex sar dan il-progress fl-istħarriġ.

L-arrestati huma kollha rġiel. Tlieta minnhom huma minn Birżebbuġa u wieħed mix-Xgħajra.

Il-Ġimgħa filgħodu, il-Pulizija ħadet lil wieħed mill-arrestati f’garaxx fi Triq Alessandru f’Briżebbuġa, fejn fil-preżenza tiegħu saret tfittxija dettaljata. Pulizija minn taqsimiet differenti, fosthom tal-forensika u uffiċjali mit-Taqsima tal-Isplussiv tal-Forzi Armati qattgħu n-nofstanhar ta’ filgħodu fil-garaxx ifittxu għal oġġetti ta’ interess fl-investigazzjoni. Mill-garaxx il-pulizija elevaw bosta oġġetti li ttieħdu għal aktar stħarriġ.

Immanettjat, ir-raġel li għandu 30 sena u hu s-sid tal-garaxx, segwa din l-operazzjoni mill-viċin sakemm għall-ħabta tas-1.00 ta’ wara nofsinhar ittieħed mill-ġdid lejn il-lock up fil-kwartieri ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana, fejn qed jinżammu t-tliet irġiel l-oħra. TVM jinsab infurmat li kien fl-aħħar ġimgħat li ma’ barra tal-garaxx ġiet stallata kamera tas-sigurtà. Mhux magħruf jekk dgħajsa żgħira, li ilha mitluqa fuq il-bankina faċċata tal-garaxx għal diversi jiem, hix relatata mal-każ.

Għall-investigaturi, dan il-ħin hu kruċjali billi s-Sibt filgħodu jiskadi l-massimu ta’ 48 siegħa żmien li jistgħu jżommu lill-irġiel arrestati, u sa dak il-ħin il-pulizija trid tara tkunx f’pożizzjoni li ġabret biżżejjed provi biex tressaq persuna jew persuni l-Qorti b’akkużi marbuta mal-attentat ta’ karozza bomba fil-Fgura, u possibilment b’reati oħrajn. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-investigazzjonijiet jissuktaw.

 

Ara wkoll:

Operazzjoni mill-Pulizija b’rabta mal-arrest ta’ 4 rġiel f’Birżebbuġa

 

Aħbarijiet Oħra
Budget

Tħabbar li għar-raba’ sena se tiżdied il-pensjoni, bis-sena d-dieħla se tingħata żieda ta’ €2.17 lill-pensjonanti kollha tas-sigurtà soċjali, barra ż-żieda tal-għoli tal-ħajja. Hekk dawn il-pensjonanti b’kollox jieħdu żieda ta’ €4.50…

Budget

Il-Ministru Edward Scicluna qal li huwa previst tkabbir ekonomiku b’rata ta’ tkabbir ta’ 5.3 fil-mija f’termini reali u 7.7 fil-mija f’termini nominali. It-tkabbir mistenni jkompli jkun iġġenerat minn tkabbir fl-investiment ta’…

Budget

Il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom għall-ewwel darba se jingħataw kumpens f’każ li jkollhom jieqfu mix-xogħol u jibdew jirreġistraw. Dan il-benefiċċju tal-qgħad se jingħata abbażi tal-kontribuzzjonijiet li jkunu ħallsu, u ttemm…

Budget

Kull min huwa impjegat mis-sena d-dieħla se jibbenefika minn ġurnata oħra frank, wara li din is-sena l-Gvern beda jimplimenta l-wegħda elettorali li jagħti lura lill-ħaddiema l-ġranet tal-festi pubbliċi li jaħbtu…

Aktar