X

AĠĠORNAT: Juncker iħabbar iktar għassa fil-fruntieri u alleanza ġdida mal-Afrika

Fir-raba’ u l-aħħar diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean Claude Juncker, ippropona alleanza ġdida bbażata fuq investiment u xogħol sostenibbli bejn l-Afrika u l-Ewropa li biha jiġu mgħejuna jinħolqu mal-għaxar miljun post tax-xogħol ġdid fl-Afrika fil-ħames snin li ġejjin.

Quddiem il-membri tal-Parlament Ewropew, Jean Claude Juncker ippreżenta din l-inizjattiva u sbatax oħra bil-ħsieb li juri l-impenn konkret tal-Unjoni Ewropea fuq l-aktar kwistjonijiet li qed jaffettwaw liċ-ċittadini Ewropej qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Mejju li ġej. Fl-istess diskors, elenka l-prioritajiet tal-Unjoni għat-tnax-il xahar li ġejjin u l-viżjoni ta’ kif l-Unjoni Ewropea tista’ tkompli tiżviluppa f’Unjoni aktar magħquda, b’saħħitha u demokratika li kienet it-tema tad-diskors ta’ din is-sena.

Parti sew mid-diskors kien fuq l-immigrazzjoni bil-President tal-Kummissjoni Ewropea jħabbar il-pjan tal-Kummissjoni li sal-2020 żżid 10,000 uffiċjal ieħor li jgħassu l-fruntieri tal-pajjiżi mill-art u mill-baħar. Jean Claude Juncker qal li dan ma jfissirx li l-Ewropa ssir aktar militari iżda f’attentat biex ittemm id-diżgwid bejn xi pajjiżi fosthom fuq min se jieħu l-immigranti salvati. Hawn sejjaħ għal iktar solidarjetà flok soluzzjonijiet għal għarriera fuq il-persuni li jiġu salvati mill-vapuri.

Jean Claude Juncker qal li fuq il-budget li jmiss tal-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2021 sal-2027, jixtieq li jkun qbil bejn kulħadd qabel l-elezzjonijiet Ewropej waqt li rrakkomanda li l-munita ewro tintuża b’mod aktar strateġiku u wera l-frustrazzjoni tiegħu li xi kumpaniji Ewropej jixtru l-ajruplani Ewropej bid-dollaru flok bl-ewro.

Il-President tal-Kummissjoni reġa’ sejjaħ biex aktar deċiżjonijiet bejn il-gvernijiet jittieħdu b’maġġoranza kwalifikata flok b’mod unanimu. Fuq Brexit, fakkar fir-riperkussjonijiet. “Someone who leaves the union cannot be in the same privileged position as a member state,” saħaq Juncker.

Fid-diskors tiegħu, il-President tal-Kummissjoni Ewropea qal li ħadd ma jista’ jinjora l-kisba tal-paċi bħala xi ħaġa dejjiema u sejjaħ għal iktar rispett lejn l-Unjoni Ewropea. Tkellem ukoll dwar l-importanza tas-saltna tad-dritt u xogħol tal-ġurnalisti fit-tħaddim tad-demokrazija.

L-inizzjativi u l-proposti mħabbra mill-President tal-Kummissjoni Ewropea issa se jkomplu jiġu diskussi f’diversi fora tal-Unjoni Ewropea fosthom fil-laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew fl-Awstrija l-ġimgħa d-dieħla.

Ara hawn id-diskors sħiħ ta’ Juncker:

Ara hawn ir-reazzjonijiet tal-MEPs Maltin: