Reliġjon
ARA: Il-messaġġ tal-Papa Franġisku f’Jum il-Milied

L-awguri tal-Papa Franġisku għall-Milied hu li Ġesù Bambin iservi ta’ dawl għal dawk kollha li qed jaffaċċjaw diffikultajiet u jrattab il-qlub iebsa u egoisti. Fil-messaġġ “Urbi et Orbi” mill-gallarija tal-Bażilika ta’ San Pietru, ir-ragħaj tal-Knisja Kattolika qal li hemm dlam fir-relazzjonijiet personali, familjari u soċjali, iżda d-dawl ta’ Kristu hu iktar qawwi.

“Hemm id-dlam fir-relazzjonijiet personali, familjari u soċjali, imma d-dawl ta’ Kristu huwa ikbar. Hemm id-dlam fil-kunflitti ekonomiċi, ġeopolitiċi u ekoloġiċi, imma d-dawl ta’ Kristu huwa wkoll ikbar,” qal il-Papa.

Talab għall-popli tal-Lvant Nofsani, l-Ukrajna, l-Venezwela, l-Iraq, il-Yemen u l-kontent Amerikan, fost oħrajn.

Dwar is-Sirja, l-Papa Franġisku talab li d-dawl ta’ Ġesù jdawwal l-imħuħ tal-gvernijiet u l-komunità internazzjonali biex isibu soluzzjoni biex in-nies f’dan ir-reġjun jgħixu fil-paċi u s-sigurtà.

Papa Franġisku

“Jispira lill-gvernijier u l-kounità internazzjonali biex jinstabu soluzzjonijiet li jippermettu lin-nies tar-reġjun biex jgħixu flimkien fil-paċi u s-sigurtà, u jintemmy t-tbatijiet tagħhom.”

Il-Papa Franġisku talab biex il-figura ta’ Ġesu Bambin iġġib tbissima fuq l-uċuħ tal-foqra u t-tfal madwar id-dinja.

Dwar l-immigrazzjoni qal li hija l-inġustizzja li twassal lin-nies biex jaqsmu d-deżert u l-ibħra li qed jispiċċaw ċimiterji. Kompla li minħabba l-inġustizzja, dawn in-nies qed ikollhom jgħaddu minn abbuż, skjavitù u tortura f’kampijiet ta’ detenzjoni li sejħilhom inumani.

“Hija inġustizzja li tkeċċihom minn postijiet fejn jista’ jkollhom tama għal ħajja dinjutuża, imma minflok isibu ruħhom quddiem ħitan ta’ indifferenza.”

Lejlet il-Milied, il-Papa Franġisku ċċelebra l-quddies ta’ nofs il-lejl fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan. Fl-omelija, huwa sejjaħ il-Milied bħala sinjal fejn Ġesù jgħin lill-bnedmin, li Hu jħobb lil kulħadd, anke l-agħar fostna.

Il-Mexxej tal-Knisja Kattolika qal li l-imħabba t’ Alla għall-bnedmin hija bla qies. Huwa appella biex in-nies ma jħallux il-ħażen li jseħħ fid-dinja, fosthom fil-Knisja, jbiegħdhom minn din l-imħabba. Fost dawk mistiedna għall-funzjoni kien hemm tfal mill-Venezwela, l-Iraq u l-Uganda.

F’Betlehem, ħafna attendew għall-quddiesa tal-Milied fil-knisja tan-Nattività; il-post fejn hu maħsub li twieled Ġesu aktar minn 2,000 sena ilu. Fost dawk li attendew kien hemm il-Prim Ministru Joseph Muscat, akkumpanjat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela li bħalissa jinsabu fi żjara uffiċjali f’Betlehem fuq stedina tal-President Mahmoud Abbas.

Segwi hawn il-messaġġ sħiħ u l-barka tal-Papa: