Reliġjon
FILMAT ESKLUSSIV: Tingħata l-aħħar tislima lill-Kardinal Prospero Grech

Fil-Vatikan ingħatat l-aħħar tislima lill-Kardinal Prospero Grech, b’quddiesa fil-Bażilika ta’ San Pietru qabel mat-tebut tiegħu jinġieb Malta għad-difna.

Il-funeral tmexxa mil-Viċi Dekan tal-kulleġġ tal-kardinali, il-Kardinal Giovanni Battista Re, b’Malta rappreżentata mill-President George Vella, l-Arċisqof Charles J. Scicluna u l-Isqof Mario Grech. Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni, il-Papa Franġisku inċensa u bierek it-tebut.

Il-Kardinal Giovanni Battista Re fl-omelija qal li l-Kardinal Grech dejjem poġġa lil Alla fl-ewwel post f’ħajtu. Qal li l-Kardinal Grech kien bniedem reliġjuż, ta’ spiritwalità profonda, li ħabb lill-Knisja u l-ħajja reliġjuża. Kompla jgħid li sa nhar it-Tnejn stess, il-Kardinal Prospero Grech kien għall-ikel ta’ nofsinhar mal-komunità Agostinjana f’Ruma, jirrakkonta bil-karattru affabbli tiegħu, u qal li ftit sigħat wara Alla sejjaħlu biex imur għandu. Qal li għalkemm kellu 94 sena, kienet mewta għall-għarrieda, li żgur sabitu mħejji għaliha.

Il-Kardinal Giovanni Battista Re qal li fil-ħajja tal-kardinal Grech kienu ċentrali l-istudju u t-tagħlim tat-teoloġija, l-ewwel f’Malta u mbagħad f’universitajiet fl-Ingilterra u f’Ruma. Żied jgħid li apparti ħajja dedikata għall-istudju u t-tagħlim, il-Kardinal Prospero Grech dejjem sab il-ħin għall-ħidma pastorali li kien jagħmel fil-Kappella ta’ Santa Monica f’Ruma, fosthom iqarar.

Il-Papa Franġisku ippresieda l-aħħar parti tar-rit funebri billi inċensa it-tebut u għamel it-talb u t-tislima tal-aħħar. Qabel il-funeral, fil-Kulleġġ Internazzjonali Santa Monika fejn fis-sigħat ta’ qabel kien espost għall-pubbliku, uffiċjal tal-Vatikan għamel dak li jissejjaħ Rogito, li jfisser li jinnotifika u jirreġistra l-għeluq tat-tebut f’dokument uffiċjali, rit li jsir f’kull mewta ta’ kardinal.

Bil-mewt tal-Kardinal Prospero Grech, il-Kulleġġ tal-Kardinali issa għandu 223 kardinal, b’124 minnhom li jistgħu jivvutaw biex jaħtru Papa ġdid u 99 oħra mhux eletturi, għax għandhom aktar minn 80 sena, bħalma kien il-Kardinal Grech.

Madankollu, l-Kardinal Grech kellu rabta ma’ żewġ konklavi. Fl-aħħar wieħed, fl-2013,meta ntgħażel biex imexxi l-meditazzjoni lill-kardinali eletturi qabel ma eleġġew lil Papa Franġisku. Interessanti wkoll li l-Kardinal Prospero Grech qarar għall-aħħar darba lill-Kardinal ta’ Milan, Giovanni Battista Montini, f’Ġunju tal-1963, qabel ma dan ġie elett bħala Papa Pawlu Sitta.

Għall-funeral, l-istat Malti kien rappreżentati mill-President ta’ Malta, George Vella u s-Sinjura Vella. F’isem il-gvern attenda l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela, u l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Istat tal-Vatikan, Frank Zammit. Fost il-konċelebranti, l-Arċisqof Charles J. Scicluna, l-Isqof Mario Grech, il-Pirjol Ġenerali tal-Ordni Agostinjana Patri Alejandro Moral Anton u l-Provinċjal tal-Provinċja Agostinjana Maltija, Patri Leslie Gatt.

Il-Provinċja Agostinjana Maltija għaddejja bit-tħejjijiet biex fil-jiem li ġejjin, il-kadavru tal-Kardinal Grech jinġieb Malta bil-ħsieb hu li ssirlu quddiesa presente cadavere qabel id-difna.

Ara wkoll:

Il-Papa jistqarr li dejjem kellu stima kbira lejn il-Kardinal Prospero Grech