Lokali
ARA: it-tagħmir li qed jibdel il-ħajja ta’ tfal bid-dijabete

Il-Gvern se jibqa’ jiffinanzja tagħmir li ngħata bi prova lil tfal taħt is-sittax-il sena bid-dijabete tal-ewwel tip.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, qal li l-proġett pilota li se jintemm ftit tal-ġimgħat oħra kien suċċess. It-tagħmir ikejjel il-livell taz-zokkor fid-demm il-ħin kollu – lejl u nhar – mingħajr ħtieġa ta’ tingiża fis-swaba’ kull darba. Il-kejl jiġi trasmess dirett fuq il-mowbajl tal-ulied, il-ġenituri u t-tim mediku li jieħu ħsieb ‘l dawn it-tfal bid-dijabete.

Noah Attard dalwaqt jagħlaq sena bid-dijabete.

Missieru, Noel, spjega li għall-ewwel dan kien ta’ xokk għalih, minħabba limitazzjonijiet li d-dijabete setgħet poġġiet fuq ħajjet ibnu ta’ għaxar snin. Illum iżda, b’tagħmir żgħir għall-moniteraġġ kontinwu taz-zokkor imwaħħal fuq żaqqu, it-tifel hu liberu li jkun attiv bħat-tfal l-oħra tal-età tiegħu. B’dan it-tagħmir, jiġi trasmess il-ħin kollu fuq il-mowbajl tiegħu l-kejl tal-livell taz-zokkor fid-demm. Jekk jogħla jew jitbaxxa ħafna tinġibidlu l-attenzjoni.

“Meta jdoqqli l-mowbajl, u pereżempju jekk ikun baxx nieħu action bħal pereżempju tazza ħalib u meta jkun għoli nagħmel l-exercise. Pereżempju meta nkun l-iskola t-teacher ngħidilha jekk ikun għoli biex imur nagħmel l-exercise u jekk ikun baxx ngħidilha tagħtiha tagħtina crackers jew juice.”

L-istess alert jintbagħat ukoll lill-ġenituri, anke jekk ma jkunux qrib uliedhom, u b’hekk jistgħu jsegwu l-livell taz-zokkor f’kull ħin tal-ġurnata.

Waqt li Noah kien qed jilgħab u jiġri, missieru uriena l-livell taz-zokkor ta’ ibnu dak il-ħin. Fi kliemu dan it-tagħmir biddel ħajjet ibnu.

Qal ukoll li b’dan it-tagħmir jistgħu jikkontrollaw aktar il-livell taz-zokkor u għalhekk inaqqsu r-riskju ta’ kumplikazzjonijiet ta’ saħħa ‘il quddiem.

“Hemm test li jgħidulu l-HbA1C li jurik kif kien il-livell taz-zokkor, kemm kien ikkontrollat fl-aħħar tliet xhur u bis-saħħa tad-Dexcom fil-fatt kellna l-vista ftit tal-ġranet ilu rnexxielu jniżżlu għal 6.2, li huwa tajjeb ħafna.

Noah huwa wieħed minn madwar 180 tifel u tifla ta’ taħt is-sittax-il sena li fi Frar li għadda ngħataw dan it-tagħmir bi prova għal sitt xhur.

Il-konsulent tad-dijabete fit-tfal, Dr John Torpiano, għaraf is-suċċess li dan it-tagħmir kellu u spjega kif l-informazzjoni miġbura tasal għand it-tobba wkoll.

“Għandna protocols stabbiliti li jekk il-livell taz-zokkor ikun għoli ħafna li jkun ta’ periklu jew li jkun baxx ħafna li jkun ta’ periklu għal ċertu ħin hemm call centre li timmoniterja l-livelli u lilna tibagħtilna ċertu messaġġi biex lil dak li jkun nagħtu kasu fil-pront.”

Dr Torpiano qal li r-rata ta’ każi ġodda tad-dijabete tal-ewwel tip fit-tfal Maltin hija fost l-ogħla fl-Ewropa. Is-sena li għaddiet biss il-każi ġodda żdiedu bi kważi 50%.

L-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dijabete laqgħet l-aħbar li dan it-tagħmir se jibqa’ jingħata mill-Gvern lil tfal u adolexxenti sa 16-il sena. Appellat li għandu jingħata lid-dijabetiċi kollha tal-ewwel tip minħabba kumplikazzjonijiet li jista’ jkollhom.