Reliġjon
“Dan it-tifel għad jagħmel biċċa xogħol kbira” – Frenċ tal-Għarb għal Alfred Camilleri Cauchi

Il-ġrajjiet imfakkra mill-knisja f’dawn il-jiem huma rappreżentati matul is-sena kollha fil-knejjes u l-kappelli, fl-hekk imsejħa Via Sagra, permezz ta’ xbihat li jirrappreżentaw 14-il mument differenti mill-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù.

Kif insibu qrib santwarji kbar Marjani, bħalma hu Lourdes, fl-akkwati Ta’ Pinu f’Għawdex hemm Via Sagra fuq barra b’valur artistiku għoli li forsi mhix daqstant magħrufa.

Imsejħa Ta’ Għammar, l-għolja f’Għawdex li tifred xaqliba tal-Għarb mill-Għasri, u li tiġi faċċata tas-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu, għandha l-ambjent ideali għad-devozzjoni tal-Via Sagra . . . mixja mat-triq tas-salib b’enfasi fuq diversi waqtiet tal-passjoni ta’ Ġesù, li tintemm fuq nett tal-għolja bil-qawmien ta’ Kristu mill-mewt.

L-idea ta’ Via Sagra mal-Għolja ta’ Għammar kienet ta’ Frenċ tal-Għarb li ta’ spiss kien jitla’ jitlob hawnhekk tant li xi Għawdxin laqqmu l-għolja “il-muntanja ta’ Frenċ”. Maż-żmien saret post imfittex minn ħafna għat-talb, fosthom meditazzjoni fuq il-passjoni ta’ Ġesù. L-istazzjonijiet tal-Via Sagra huma rappreżentati bi statwi b’disinn tal-artist Alfred Camilleri Cauchi. Ma’ Television Malta, hu rrakkonta li meta kien żgħir ommu kienet ħaditu għand Frenċ tal-Għarb li bħal donnu bassar li x-xewqa li kellu kien se jwettaqha hu.

“Kont mort magħha, kellha bżonn tmur għandu u qalilha dan it-tifel għad jagħmel biċċa xogħol kbira u jien sadanittant nehwden ġo moħħi li wara rriżulta li kelli nagħmel din il-Via Sagra.”

Ix-xogħol inbeda fl-1969 u s-sett kollu ħa għaxar snin biex tlesta. L-istatwi ġew imnaqqxa fl-irħam fi Pietra Santa u f’Carrara, l-Italja, fejn Alfred kien jitla’ ta’ spiss biex isegwi x-xogħol u jagħti l-aħħar irtokki.

Il-Via Sagra tul l-Għolja ta’ Għammar tmur lil hinn minn dik tradizzjonali. Għalkemm fiha 14-il stazzjon, din hi Via Sagra Biblika bl-istazzjonijiet ibbażati biss fuq rappreżentazzjoni ta’ dak miktub fil-Vanġeli. Għalhekk ma nsibux mumenti bħal-laqgħa ta’ Ġesù mal-Veronika, u waqa’ waħda, mhux tlieta, ta’ Ġesù taħt is-salib.

Fid-disinn l-artist Alfred Camilleri Cauchi ħareġ b’ideat innovattivi għal dak iż-żmien bħal wiċċ l-anġlu fl-istazzjon ta’ Kristu fl-ort li ħadmu fuq wiċċ il-mara tiegħu; fl-istazzjon li jirrappreżenta t-tradiment ta’ Ġuda, maġenb Ġuda jidher xitan ħiereġ minn blata; u s-salib li hu dejjem f’għamla ta’ zokk ta’ siġra.

“Ferħan għax tara r-riżultat li nkunu għamilna. Anke li xtat Frenċ tal-Għarb kienet ħolma.”.

Meta temm din l-opra artistika, is-Sur Camilleri Cauchi ngħata t-titlu ta’ Kavallier tal-Ordni Rjali tal-Kuruna Balearika ta’ Spanja.

Bi produzzjoni ta’ CVC Media, nhar l-Erbgħa fis-6.30 p.m. fuq TVM2 se tixxandar Via Sagra mill-Għolja ta’ Għammar b’qari minn kitbiet tal-Papa Franġisku fuq il-Ferħ tal-Vanġelu, b’riflessjonijet ukoll tal-Isqof Mario Grech.

Aħbarijiet Oħra
Parlament

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej qiegħed fuq il-mejda tal-Kamra tad-Deputati  il-memorandum of understanding li ntlaħaq bejn Malta u l-Libja fil-laqgħa li saret fi Tripli il-ġimgħa li għaddiet. Il-Ministru Bartolo, li…

Kostruzzjoni

Dak li deher li huwa xogħol ta’ tħammil li kien qed isir f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq il-Barrieri f’Santa Venera waqaf, wara li residenti mħassba dwar is-sigurtà ta’ dawn ix-xogħlijiet…

Storja

Kulħadd f’żaqqu l-ewwel ma jaħseb. Fit-Tieni Gwerra, xejn anqas. Fl-1939, il-gazzetti u l-Gvern Kolonjali taw l-impressjoni li kien hemm biżżejjed ikel maħżun għal bosta xhur f’każ ta’ gwerra. Ir-realtà, iżda,…

Parlament

Id-Deputat Kap tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u Kap tad-Dipartiment għall-iżvilupp tal-prodott turistiku, Leslie Vella qal li l-iskop ewlieni tal-ftehim mal-kumpanija tal-ajru privata Vistajet kien li jirreklamaw lil Malta bħala ċentru ġdid…

Aktar