Budget2021
“Dan mhux l-aqwa Budget fl-istorja iżda Budget bl-ikbar defiċit fl-istorja” – Bernard Grech

Fit-tweġiba tiegħu għall-Budget, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li dan mhux l-aqwa Budget fl-istorja iżda Budget bl-ikbar defiċit fl-istorja. Dr Grech qal li l-Gvern m’għandux viżjoni għall-futur u saħaq li l-Partit Nazzjonalista jrid jiddjaloga biex isib kunsens wiesa fuq is-soluzzjonijiet fl-oqsma ekonomici, socjo-politici u kulturali, b’qafas ta’ valuri umani u soċjali li jġeddu l-identità tal-Maltin bl-għan li jitkattar il-ġid komuni.

Fit-tweġiba tiegħu għall-Budget 2021, il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li filwaqt li l-Gvern qed jiftaħar li dan kien l-aqwa baġit li qatt sar, baqgħu joħorġu realtajiet li juru stampa differenti ta’ dak li qed jiġri fil-pajjiż. Dr Grech semma n-nuqqas ta’ preparazzjoni tal-Gvern dwar il-Covid, in-nuqqas ta’ viżjoni għal Għawdex, l-edukazzjoni, l-ambjent u l-immigrazzjoni, kif ukoll dak li sejjaħ bħala inkompetenza fil-governanza u r-reputazzjoni ta’ Malta.

Dr Grech qal li f’dan il-baġit, il-Gvern nesa lill-frontliners fosthom il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, il-pulizija, suldati, ħaddiema tal-indafa pubblika, u l-għalliema. Qal fin-nuqqas ta’ apoloġija mill-Gvern lill-qraba tal-vittmi tal-Covid, qed jitlob apoloġija hu f’isem l-Oppożizzjoni Nazzjonalista u f’isem il-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni ssuġġerixxa biex il-Prim Ministru ma jibqax jinjora l-pariri tal-uffiċjali tas-saħħa pubblika li skont hu qed jingħataw il-ġenb u ppropona li għandu jitwaqqaf Kumitat ta’ Sorveljanza Nazzjonali li jkun kompost minn esperti mediċi mill-oqsma kollha. Huwa appella li għandu jiżdied voucher supplementari li jkun speċifikament assenjat għax-xiri ta’ maskri u sanitizers għall-familji. Dwar il-miżuri ġodda għall-barijiet u każini, Dr Grech qal li jaqbel magħhom, imma qal li wieħed irid jara li s-sagrifiċċji li qed jagħmlu s-sidien ta’ dawn il-postijiet, ma jkunux saru għalxejn.

Dwar il-Budget, Dr Grech qal li dan mhux l-aqwa Baġit fl-istorja iżda Budget bl-ikbar deficit fl-istorja. Huwa qal li l-ekonomija tal-Gvern hija mibnija fuq steroids, li jisfaxxaw fosthom bid-dħul mill-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment, turiżmu ta’ kwalità li dejjem jonqos, importazzjoni ta’ ħaddiema barranin, u żvilupp bla rażan.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Grech tkellem ukoll dwar il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista li irid jiddjaloga biex isib kunsens wiesa fuq is-soluzzjonijiet fl-oqsma ekonomiċi, soċjo-politici u kulturali. Dr Grech qal li dan għandu jsir f’qafas ta’valuri umani u soċjali li jġeddu l-identità tal-Maltin bl-għan li jitkattar il-ġid komuni. Sostna li jrid pajjiż u poplu aktar b’saħħtu, b’governanza ġusta b’riżultati ekonomiċi li ma jinkisbux b’detriment tal-ambjent u li jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar.

Sostna li t-talent u l-kapital uman għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-prijorità ekonomika, bin-nisa jagħmlu qabżiet kbar ‘il quddiem. Dwar l-immigrazzjoni, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal illi din m’għandhiex iġġib ix-xenofobija iżda rispett lejn il-ħajja tal-bniedem, billi jinstab bilanċ bejn dak li l-pajjiż jiflaħ u dak li għandu bżonn biex jaħdem. L-avukat Grech qal li l-famlja m’għandhiex tgħix biex taħdem iżda taħdem biex tilħaq l-aspirazzjonijiet tagħha. Tkellem dwar iż-żgħażagħ li qal għandhom ikunu protagonisti fil-politika,l-amministrazzjoni u l-industrija. Dwar Għawdex huwa qal illi dan għandu jerġa’ jsir ġojjell u mhux jinħakem minn żvilupp akkost ta’ kollox.

Meta tkellem dwar l-ambjent qal huwa pilastru tal-viżjoni tiegħu għall-pajjiż, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li ma jridx li jkunu estiżi l-konfini tal-iżvilupp iżda li żoni dilapidati jinbidlu f’żoni ħodor. Huwa laqa’ l-miżuri dwar l-eknomija ħadra u qal li għandha tingħata spinta lill-operaturi ekonomiċi favur tekonoloġiji ħodor.

Dwar il-mudell ekonomiku għall-pajjiż, Dr Grech qal li l-Gvern falla għax bena fuq il-konsum u l-iżvilupp bla rażan. Dwar il-patt soċjali qal li l-ekonomija trid tinbena fuq soċjetà ġusta bil-ħaddiem jieħu l-paga li tixraqlu u l-imprenditur jagħmel qligħ ekwu mar-riskju li jkun ħa. L-avukat Grech qal li huwa favur li jkun iffirmat patt soċjali ġdid ta’ kif iħares lejn l-istabilità fl-impiegi, il-pagi, il-kwalità tal-ħajja u l-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol. Qal li għandu jkun rivedut il-mekkaniżnu tal-COLA.

Meta tkellem dwar in-nisa qal li għadhom isofru diskriminazzjoni struttura u kulturali l-aktar fil-qasam tax-xogħol. Qal li għandha titwettaq politika ta’ gender mainstreaming bis-siġġijiet parlamentari jiżdiedu bi tnax fuq iż-żewġ naħat tal-Kamra jekk ir-riżultat elettorali ma jwassalx għal proporzjoni ta’ 40% ta’ deputati nisa. Huwa qal li Gvern u Oppożizzjoni jaqblu fuq dan u għalhekk il-liġi għandha tidħol mingħajr dewmien.

L-avukat Grech qal ukoll li Malta trid terġa’ titqies pajjiż sikur b’ġurisdizzjoni serja. Sostna li għandha tkun magħrufa l-verità dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u li l-istituzzjonijiet għandhom jitħallew jaħdmu b’indipendenza sħiġa u b’kultura ta’ djalogu li timmira għall-verità. Il-Kap tal-Oppożizzjoni temm jgħid li l-pajjiż jixraqlu li post il-bniedem ikun fiċ-ċentru tal-politika u t-tmexxija tal-pajjiż tagħmel lil Malta sieħeb kredibbli, dinjituż u b’reputazzjoni tajba.