Kronaka
Daniel Muka jipprova jaħrab mill-ħabs

L-Albaniż Daniel Muka, li qed jiġi akkużat bil-qtil doppju ta’ Christian Pandolfino u Igor Maciejowski f’Tas-Sliema, ipprova jaħrab mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Television Malta hu infurmat li l-awtoritajiet tal-ħabs irnexxielhom jisfrattaw il-ħsieb tal-Albaniż madwar għaxart ijiem ilu. Dan wara li skont sorsi, minn spezzjonijiet ta’ rutina li jsiru għal għarrieda, fiċ-ċella fejn kien qed jinżamm Muka nstabu għodda u armi improvizzati li s-sorsi spjegaw jintużaw f’ħarba.

Mhuwiex eskluż li f’dan il-pjan kien hemm involuti priġunieri oħrajn. Dan billi s-sorsi ta’ TVM spjegaw li kollox jindika li l-armi improvizzati li nstabu fiċ-ċella tal-Albaniż ma kinux għal persuna waħda.

Hu mifhum li għal raġunijiet ta’ sigurtà Muka m’għadux fiċ-ċella fejn kien. Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali fil-konfront ta’ Daniel Muka, filwaqt li l-awtoritajiet tal-ħabs ħadu l-passi meħtieġa b’rabta ma’ dan il-każ.