Lokali
“Daqshekk biżżejjed ħa nieqaf għax għalija l-ħin sar”

Kien xandar ta’ kelma tajba u għall-ġid . . . fl-isptarijiet, fil-venda tal-karozzi tal-linja, f’każini u ħwienet. Tard il-bieraħ filgħaxija miet Ġorġ Agius, magħruf l-aktar bħala Ġorġ tal-Mużew li b’xi taqbila u tbissima fittex li jwassal messaġġi ta’ faraġ jew kuraġġ u tifħir lill-Mulej. Għal dawn ħa l-fama bħala l-Għannej tal-Mulej.

Ġorġ Agius, magħruf bħala Ġorġ tal-Mużew, miet fl-età ta’ 94 sena.

Ma kienx jaf jikteb u jaqra, iżda qatta għomru u żmienu jxerred messaġġi ta’ kuraġġ u riflessjonijiet b’taqbiliet li bihom tlaqqam “l-Għannej tal-Mulej”.

Ġorġ kien jgħix il-Birgu. Twieled fl-1926 u kien it-tieni wild minn disa’ ta’ ġenituri mill-Qala. F’żgħożitu kien magħruf għas-saħħa tiegħu. Fi żmien it-tieni gwerra dinjija ħaffer xi xelters għall-familja tiegħu. Qatta’ 44 sena jaħdem ix-xatt. Jingħad li matul dan iż-żmien kien jiġbor il-pulizija u l-ħaddiema u jħeġġiġhom jitolbu bil-famuża frażi: ‘ejjew ngħidu tat-tmienja l-aħwa.’ B’dan il-mod u oħrajn qarreb ‘l ħafna lejn Alla u l-fidi nisranija.

Minn fuq ix-xogħol Ġorġ kien jibqa’ sejjer l-isptar – dak iż-żmien San Luqa – biex ikellem u jagħti kuraġġ lill-pazjenti u qrabathom. Hekk baqa’ jagħmel sa ftit tas-snin ilu f’Mater Dei meta qajla kien jiflaħ jimxi.

F’Awwissu ta’ tliet snin ilu kienet ħarġet ix-xniegħa li miet/ Dakinhar, bil-kariżma tiegħu Ġorġ qabbel erba’ kelmiet fuq hekk.

“Għax issa billi tinkwieta u tgorr, mhux titlef il-kontroll, hu kollox bil-qalb it-tajba, paċenzja, tgħix fil-kwiet u qatt ma tagħli, ħajja tajba l-isbaħ moda.”

Minkejja li huwa magħruf bħala ‘tal-Mużew’ hu ma kienx membru tas-Soċjeta’ tad-Duttrina Nisranija, iżda jħobb l-ispirtwalità Mużewmina u kien isegwi ħafna lil San Ġorġ Preca.

Fit-tnedija ta’ ktieb erba’ snin ilu, b’ġabra ta’ taqbiliet tiegħu, Ġorġ tal-Mużew kien sellmilna b’dawn il-kelmiet.

”Paċi u ġid jien nixtiqilkom u ħajja tajba mill-aħjar u daqshekk biżejjed ħa nieqaf għax għalija l-ħin sar.”

Ġorġ se jħalli wirt għani ta’ taqbiliet li kien jagħmel huwa u jżur lill-pazjenti, li min-naħa tagħhom żgur li se jibqgħu jisimgħu kliemu jidwi fil-memorja tagħhom!