Lokali
Daqshekk nies fuq l-ispalla fil-każin ta’ San Filep wara l-filmat ta’ Marlene Farrugia

Il-Kumitat u l-membri tal-Għaqda Każin Banda San Filep qal li jiddisassoċja ruħu u jikkundanna l-inċident provokat minn ftit nies li la huma membri u lanqas midħla tal-każin u li tfaċċaw għall-festa. Huwa qal dan b’referenza għall-filmat li nxtered fuq il-mezzi soċjali li fih tidher il-Membru Parlamentari tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia. Fil-filmat, Marlene tidher fuq l-ispalla u fl-isfond jinstema’ l-kant bi kliem dispreġġattiv lejn il-Partit Nazzjonalista. Il-filmat ttieħed waqt il-festa ta’ Ħaż-Żebbuġ fil-każin tal-Għaqda Każin Banda San Filep.

Fl-istqarrija, il-Każin kompla jgħid li huwa jżomm ‘il barra mill-politika, tant li żewġ membri żgħażagħ tal-kumitat li kienu preżenti immedjatament waqqfu l-mużika li kienet qiegħda “tiġi abbużata minn ftit nies irresponsabbli ġo bar miftuħ għall-pubbliku”.

Dan il-każ wassal biex il-kumitat fl-laqgħa urġenti ddeċieda li se jżomm kontroll aktar fuq il-mużika li tindaqq fil-każin fil-jiem tal-festa li trid tiġi approvata minn qabel, u li ma jitħallewx jintrefgħu nies fuq l-ispallejn.

Il-filmat li nxtered fuq il-mezzi soċjali qajjem dibattitu sħiħ. Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli xerred il-filmat fuq Facebook u kiteb “tajniehom il-palk, il-midja u żewġ siġġijiet parlamentari. Imbagħad bil-wiċċ tost riedet issir kap tagħna. U meta riedna nċedu siġġu minn tagħna għall-kap tagħna riedet tqabbad kandidat tagħha biex tieħdu hi. U llum jiżfnu u jifirħu mar-ritmu tal-mibegħda kontrina. U b’din il-mazra ma’ saqajna u bi ħsara oħra riedna nipprovaw ntejbu l-pożizzjoni tal-PN fl-aħħar xhur”.

Dan il-kumment ġab ir-reazzjoni ta’ Marlene Farrugia. Fuq Facebook, Marlene Farrugia kitbet li l-filmat li xxerja Clyde Puli huwa fake. F’waħda mill-kitbiet tagħha, hija qalet li “l-parti mnawra tal-Partit Nazzjonalista tibża’ minn Marlene Farrugia għax twasslilkom il-verità. Clyde Puli u sħabu jkomplu jikkonfermaw li huma fake u inkompetenti”. F’kitba oħra, hija qalet li “mhux il-mument li nittolleraw aktar ġlied u intriċċi fl-Oppożizzjoni. Puli żbalja ħafna imma naħfirlu. L-aħjar issa huwa li min qed jostakola l-għaqda u l-bini mill-ġdid tal-PN, jew tal-entità li trid tevolvi mill-PN, jiskot, jirrifletti u jifhem li qed nagħtu wissa’ lill-Gvern korrott ta’ Muscat biex ikompli għaddej bir-roblu minn fuq il-poplu li reġa’ fdah, għax aħna m’aħniex noffru alternattiva kredibbli. Moħħna hemm. Iż-żmien qed jagħfas. Taħlux aktar ħin. Pajjiżna jibqa’ jsejħilna biex nagħmlu dak li huwa mistenni minna fit-triq politika li fiha wegħdna li nservu. Aħfru lil xulxin, ħa mmexxu ‘l quddiem”.

Min-naħa tiegħu, il-Membru Parlamentari tal-Partit Demokratiku, Godfrey Farrugia wkoll kiteb dwar dan fuq Facebook. Huwa qal “il-qerq ta’ Clyde Puli. Il-ħmieġ u l-ħażen ta’ Clyde Puli jinkixef. Il-vidjow ġie immanipulat biex jitfa’ dell ikrah fuq Marlene għax jafu li hi leali lejn il-poplu kollu u tibqa’ tinsisti li għandna jkollna Oppożizzjoni b’saħħitha biex inkunu Gvern alternattiv leali lejn il-poplu meta għandna Gvern korrott. Fake video”.

TVM għażel li ma jxandarx il-filmat minħabba l-kliem li fih. Ir-ritratt meħud mill-filmat imxerred fuq Facebook.

Aħbarijiet Oħra
Eurovision

Eliana Gomez Blanco se tirrappreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest 2019 li se ssir fil-Polonja fl-24 ta’ Novembru. Fit-tieni u t-tielet post ikklasifikaw Leah Cauchi u Martina Cutajar rispettivament….

Statistika

Minkejja ż-żieda fit-traffiku, ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fit-tieni kwart tas-sena bejn April u Ġunju kien hemm tnaqqis żgħir fl-inċidenti tat-traffiku u fil-korrimenti fihom. Iċ-ċifri juru li f’dawn…

Annimali

Dalgħodu kull min kien qed igawdi ġurnata baħar fl-Għadira ħa sorpriża ħelwa hekk kif niżel jgħum man-nies fjammingu. Skont il-BirdLife, il-fjammingi żgħar, għalkemm ipassu mal-adulti, xi kultant jistpiċċaw jitbegħdu mill-grupp…

Kronaka

€15,400 mhux iddikjarati ġew konfiskati mill-uffiċjali tad-dwana fl-Ajruport ta’ Malta. L-uffiċjali waqqfu passiġġier li kien mistenni jitlaq minn Malta b’ammont ta’ flus mhux iddikjarati. Huwa ikkopera mal-uffiċjali fejn aċċetta li jiġu…

Aktar