Saħħa
Daqshekk pastizzi, pizez u burgers f’Mater Dei

Daqshekk pastizzi, pizez, burgers u ċerti xarbiet mill-kafeteriji, ħwienet u magni fl-Isptar Mater Dei f’inizjattiva li biha qed jintbagħat messaġġ favur ikel u xorb tajjeb għas-saħħa. TVM jista’ jikkonferma li ġew riżolti differenzi bejn l-amministrazzjoni tal-isptar u l-union tal-infermiera u l-qwiebel dwar l-ikel provdut għall-impjegati tal-isptar.

L-amministrazzjoni tal-Isptar Mater Dei żammet mal-kelma li tat is-sena l-oħra u daħħlet fis-seħħ bidliet dwar l-ikel u x-xorb li jista’ jinxtara mill-Isptar Mater Dei.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei, Ivan Falzon qal “mill-bidu ta’ dan ix-xahar, dawk il-famużi pastizzi, ċertu affarijiet taċ-ċikkulata, ċertu soft drinks, ma jkunux disponibbli għall-bejgħ ġol-isptar.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar qal li l-isptar mexa fuq il-pariri ta’ esperti fil-qasam li qalu ċar u tond li ċerti prodotti m’għandhomx jiġu offruti lill-pubbliku mill-isptar.

Żied jgħid li mill-isptar qed jinbiegħu prodotti tal-ikel u xorb alternattivi li huma ta’ inqas ħsara għas-saħħa bħal torti żgħar minflok il-pastizzi u xarbiet tad-dieta u ilma minflok il-luminati.

“Aħna m’aħnix ngħidu lill-pubbliku ma tistax tiekol ċikkulata, ma tistax tiekol pastizzi. Aħna qegħdin ngħidu li ġol-isptar ma jbigħx pastizzi, l-isptar ma jbigħx ċertu ċikkulata, ma jbigħx ċerti soft drinks.”

Mistoqsi dwar kritika mill-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, is-Sur Falzon wera l-fehma li l-union m’għamlitx distinzjoni bejn id-deċiżjoni tal-isptar biex jintbagħat messaġġ favur ikel tajjeb għas-saħħa u l-ikel li l-isptar joffri b’xejn lill-istaff.

“Bħala parti mill-offerta tal-istaff canteen, lill-istaff qatt ma konna noffrulu ċikkulati jew soft drinks b’xejn, aħna konna noffrulhom ikel u għadna noffrulhom dak l-ikel, kien hemm xi tibdiliet żgħar bħala menus li noffru lill-istaff, u għalhekk tlabt kjarifikazzjoni u follow-up meeting mal-MUMN.”

Il-Kap Eżekuttiv semma wkoll li din is-sena se jiġu installati 100 faċilità tal-ilma tax-xorb fl-isptar biex l-ilma jkun disponnibbli bla ħlas kemm għall-istaff kif ukoll għall-pubbliku.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

L-għada li l-Awtorità tal-Ippjanar wettqet azzjoni ta’ infurzar fuq fl-istallel fil-Marsa fejn kienu qed joqogħdu għexieren ta’ immigranti, is-sidien tagħhom jidher li żbarazzaw l-istallel. Sadanittant, TVM huwa infurmat li 37…

Lokali

Il-Mużew tal-Katidral fl-Imdina ngħata dimensjoni ġdida għax mhux ser jibqa’ biss post fejn ikunu esebiti artifatti prezzjużi iżda ser joffri opportunità ta’ tagħlim u post fejn artisti privati jesebixxu l-arti…

Ikel

Fl-Awstralja, l-ekoloġisti qed iwissu li n-numru ta’ kangaroos fis-selvaġġ m’għadux sostenibbli u qed iħeġġu lill-Awstraljani biex jieklu aktar laħam ta’ dan l-annimal li hu simbolu nazzjonali ta’ dan il-pajjiż imbiegħed….

Kultura

Għaddej b’ritmu mgħaġġel ix-xogħol ta’ restawr fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt fejn qed isir restawr fuq is-soqfa tal-kurituri u li huma mogħnija bil-pitturi. Ix-xogħlijiet ta’ restawr ser jiffukaw ukoll fuq l-art…

Aktar