
Il-Fondazzjoni Marigold fakkret il-Jum Dinji tad-Diżabilità billi żaret l-aħħar xogħlijiet li qed isiru f’Dar Żerniq fis-Siġġiewi, id-dar ta’ erba’ residenti b’diżabilità intellettwali li jgħixu fil-komunità taħt is-superviżjoni tad-Dar il-Providenza.
Mixtrija fl-1993 mid-Dar il-Providenza, id-dar għandha l-iskop li tipprovdi post fil-komunità għal residenti b’diżabilità intellettwali sabiex tinkoraġġixxi u tippromwovi l-inklussività. Wara 26 sena d-dar kellha bżonn ir-restawr u The Marigold Foundation aċċettat li tieħu dan il-proġett f’idejha billi tinvesti €55,000 f’xogħlijiet li jinkludu l-installazzjoni ta’ servizzi ġodda, elavator ġdid, kmamar tal-banju ġodda, aperturi u għamara ġdida.
Iċ-Chairperson u Ko Fundatriċi ta’ Marigold Michelle Muscat qalet li proġetti bħal dawn huma atti konkreti li jtejbu l-ħajja tan-nies li l-aktar għandhom bżonn. Qalet li llum ma nħarsux lejn id-diżabilitajiet imma nħarsu lejn l-abbiltajiet li wieħed jista’ jegħleb biex jgħinhom jilħqu livelli ġodda f’ħajjithom. Spjegat li proġetti bħal dawn jgħinu wkoll lill-ġenituri jserrħu rashom sabiex ikunu jafu li wliedhom xorta se jgħixu ħajja tajba meta ma jkunux jistgħu jibqgħu jieħdu ħsiebhom.
Fr. Martin Micallef qal fi stqarrija li l-Marigold Foundation hija waħda mill-benefatturi u l-kollaboraturi ewlenin tad-Dar il-Providenza.




