Lokali
Daqt jitlesta r-restawr fuq il-faċċati tal-Università l-Qadima

Qed joqrob lejn tmiemu x-xogħol ta’ restawr fuq il-faċċati tal-Università l-Antika fil-Belt. Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq il-faċċata fi Triq San Kristofru. Meta jitlesta’ dan ix-xogħol mistenni jibda r-restawr fuq ġewwa tal-Knisja tal-Ġiżwiti.

It-tmiem fil-ġimgħat li ġejjin tar-restawr fuq il-faċċata tal-Università l-Antika fi Triq San Kristofru fil-Belt se jfisser li l-faċċati kollha tal-binja, li tinkudi wkoll il-faċċata tal-Knisja tal-Ġiżwiti, se jkunu ġew restawrati.

Il-Perit Mark Azzopardi spjega li l-faċċata f’din it-triq tinkludi dik oriġinali u parti oħra li nbniet wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

“Kien hemm xogħol partikolari għaliex il-ġebla tkun differenti. Hawnhekk ix-xogħol kien jikkonsisti ħafna fit-tindif tal-ħmieġ li kien hemm fuq il-faċċati, xogħol fuq l-aperturi. xogħol ta’ bdil ta’ xi ġebel li kien tmermer u mbagħad xogħol ta’ restawr fejn aħna nsewwu l-ħsara li tkun saret bl-użu ta’ tajn partikolari u hekk.”

Il-Perit Azzopardi spjega li l-faċċata ta’ Triq il-Merkanti kienet l-aktar waħda li kellha bżonn xogħol minħabba li hi parti mill-binja oriġinali. Il-Ministru għall-Kultura, Owen Bonnici qal li dan il-proġett b’investiment ta’ erba’ miljun ewro qed isir mid-Direttorat għar-Restawr, u kien jinkludi fost oħrajn ir-restawr tal-faċċata Knisja tal-Ġiżwiti, tal-btieħi tal-Università l-Antika u s-soqfa ta’ binja.

La darba jitlesta’ x-xogħol fuq il-faċċati, jibda r-restawr fuq ġewwa tal-Knisja tal-Ġiżwiti. Hu dokumentat li l-ewwel ġebla tal-Knisja tal-Ġiżwiti, li kienet tagħmel parti mill-Kulleġġ tal-Ġiżwiti u mill-Università l-Antika tpoġġiet f’Settembru tal-1595. Il-Knisja nbniet mill-ġdid kważi erbgħin sena wara, fuq id-disinn tal-Inġinier tal-Ordni Francesco Buonamici wara li fl-1634 ġarrbet ħsarat estensivi fi splużjoni.

Aħbarijiet Oħra
Toroq

Matul il-lejl li għadda, Infrastructure Malta poġġiet f’postha l-gverta tal-azzar twila 34 metru tal-pont il-ġdid li se jaqsam minn fuq Vjal l-Avjazzjoni, bejn Ħal Luqa u l-Gudja. Il-kuntratturi ta’ Infrastructure…

Ekonomija u Finanzi

Il-Bank HSBC ħabbar li se jnaqqas 35,000 impjieg fit-tliet snin li ġejjin. Il-bank qal li qed jimmira li globalment inaqqas l-ispejjeż b’aktar minn erba’ biljun ewro sal-2022 filwaqt li jnaqqas…

Politika

L-Ispeaker tal-Parlament, Anġlu Farrugia, qal li l-membri tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi ma setgħux jagħmlu mistoqsijiet dwar il-kuntratt mogħti mill-Awtorità tat-Turiżmu lid-Deputat Laburista Konrad Mizzi, qabel ma l-kontijiet awditjati tal-istess awtorità…

Aktar