Knisja Maltija
Dar fis-Seminarju se tilqa’ saċerdoti barranin li qed jistudjaw it-teoloġija f’Malta

Dar li hemm fid-daħla tas-Seminarju qed tinbidel f’residenza biex tilqa’ fiha saċerdoti barranin li qed jiġu jistudjaw it-teoloġija f’Malta. Id-dar se tissemma Casa Fratelli Tutti, bil-lettur Dun Mark Zammit qal lil TVM li l-għan huwa li dan il-proġett jservi wkoll ta’ esperjenza ta’ integrazzjoni lis-saċerdoti li qed jiġu jistudjaw f’pajjiżna. Il-proġett qed isir wara ftehim li bih il-Knisja f’Malta sellfet din il-proprjetà lill-Fakultà tat-Teoloġija.

Dun Patrick u Dun Vito huma żewġ saċerdoti miż-Żambja li qed jagħmlu kors ta’ sentejn fl-Università ta’ Malta biex jiksbu liċenzjat fit-teoloġija. Fl-aħħar jiem wieħed mil-letturi tal-kors, Dun Mark Zammit, iltaqa’ magħhom barra dar li hemm kif tidħol fis-Seminarju f’Tal-Virtù. Id-dar bdiet tiġi rranġata biex tinbidel f’residenza għal saċerdoti bħalhom li jiġu Malta minn pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jagħmlu dan il-kors, li hu maħsub għal persuni li diġa’ jkollhom għarfien tajjeb tat-teoloġija.

Dun Mark Zammit qal “l-istudenti tagħna nħarġuhom aħjar biex jaffrontaw kull esperjenza, kull sitwazzjoni li jistgħu jsibu kemm fi ħdan il-knisja u anke fi ħdan is-soċjetà. Aħna allura nagħtuhom background ta’ psikoloġija, spiritwalità, kif jiħendiljaw lin-nies, kif jgħinu lilhom infushom ukoll sabiex ukoll ma tinġarx mal-problemi tan-nies, però mod speċjali sabiex f’dan kollu mhux biss nagħtuhom x’jiġifieri taqdi lill-bniedem, però mod speċjali anke kif twassal lil Alla lill-bniedem.”

Dun Mark Zammit qal li fost l-istudenti internazzjonali għal dan il-kors, bħalissa hawn ħames saċerdoti mill-Afrika, u hemm il-ħsieb li jinġiebu wkoll mill-Asja. Wera l-fehma li b’dan il-mod jintlaħaq l-għan ta’ integrazzjoni akbar bejn nies minn diversi postijiet, li jistudjaw flimkien u jaqsmu ma’ xulxin dak li tgħallmu bl-iskop li jagħtu servizz tajjeb lil realtajiet differenti tal-Knisja madwar id-dinja.

Il-ħames saċerdoti Afrikani qed jgħixu f’post provdut minn Missio, mal-patrijiet tas-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl fir-Rabat u mal-Karmelitani tal-Balluta. Dun Lazarus Maloya mill-Malawi ilu f’dan il-kunvent f’Tas-Sliema sena u erba’ xhur. Jixtieq li l-kors jgħinu aktar f’ħidmietu fl-edukazzjoni u mal-morda fil-Malawi. Stqarr li hawnhekk iħossu milqugħ u faħħar l-idea li jkun hemm dar fejn saċerdoti oħra bħalu jgħixu flimkien waqt li qed jistudjaw.

Dun Lazarus Maloya qal “I strongly recommend people to support this project, because it will strengthen the bonds between the Church in Africa and also here in Malta and also sharing of experiences between the two areas.”

Id-dar se tissemma Casa Fratelli Tutti, għall-enċiklika tal-Papa Franġisku li tipprietka s-solidarjeta’ u l-ħtieġa li ningħaqdu.

Dun Mark Zammit qal”dan il-proġett ħa jservi sabiex ngħinu lil dawn ħutna f’pajjiżi differenti minn tagħna biex nagħtuhom din il-formazzjoni, jiġifieri mhux biss jistudjaw magħna, però anke jistgħu jieħdu formazzjoni, nitgħallmu minnhom, naqsmu flimkien l-esperjenzi, naqsmu l-valuri ta’ xulxin ħalli aħna nitgħallmu minnhom u huma jitgħallmu magħna.”

Il-proġett jista’ jsir wara ftehim li bih il-Knisja f’Malta sellfet din il-proprjetà lill-Fakulta tat-Teoloġija li min-naħa tagħha se tagħmel tajjeb għax-xogħlijiet biex tiġi rranġata u għall-ispejjeż ta’ kuljum.

Dawk li jixtiequ jgħinu b’donazzjonijiet isegwu dawn id-dettalji:

IBAN number: MT81APSB77013000000035387310036
BIC Code: APSBMTMT
Isem tal-kont: AOM – Faculty of Theology (Support to African Student-Priests)