Lokali
Dar ġdida għal nisa li jeħilsu mill-vizzju tad-droga

Nisa li meta jtemmu l-programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga u ma jkollhomx saqaf fuq rashom se jkollhom fejn joqogħdu sakemm jintegraw lura fis-soċjetà.

Dan hekk kif l-Awtorità tad-Djar se tinvesti €300,000 f’dar fin-Naxxar li se tkun qed titmexxa mill-Caritas.

Dar tal-Caritas fin-Naxxar se titwaqqa’ u tinbena mill-ġdid biex tintuża għal nisa u tfajliet li jtemmu b’suċċess il-programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga f’San Blas. Id-dar se tkun attrezzata wkoll għal nisa bit-tfal filwaqt li se jkollha diversi spazji fejn ir-residenti jistgħu jirrilassaw.

Id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt, spjega li dan il-proġett hu maħsub għal nisa li meta jtemmu l-programm ma jkollhomx saqaf fuq rashom b’periklu li jistgħu jerġgħu jaqgħu fil-vizzju tad-droga waqt li qed jintegraw mill-ġdid fis-soċjetà.

“B’dan il-mod qed ittihom imbuttatura ħalli jaslu biex isiru indipendenti jiġifieri dan mhux post li se jgħixu hemm għal ħajjithom imma għal imbuttatura neċessarja biex is-sagrifiċċju li waslu f’dan il-punt jagħmlu pass ieħor b’suċċess.”

Waqt li elenka d-dettalji tal-proġett, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, spjega l-iskop ta’ dan il-proġett ta’ akkomodazzjoni speċjalizzata.

“L-iskop hu li jkun hemm appartamenti ta’ one bedroom u two bedroom għan-nies li jkunu ħerġin mill-Caritas jiġifieri jiggradwaw mill-programm tal-Caritas u mbagħad jingħataw akkomodazzjoni temporanja sakemm jerġgħu jaqbdu lura t-triq fis-soċjetà.”

Il-proġett se jsir mill-Awtorità tad-Djar b’investiment ta’ kważi €300,000.