Dar il-Kaptan tingħata l-Premju Ewropew għaċ-Ċittadin

F’għeluq il-25 sena mit-twaqqif tagħha, Dar il-Kaptan ġiet ippreżentata bil-Premju tal-Parlament Ewropew għaċ-Ċittadin 2016. L-ewro-parlamentari Maltin iddeċidew li jinnominaw lil din il-fondazzjoni bħala rikonoxximent tas-servizz siewi li tagħti lill-persuni b’diżabilità.  Din l-organizazzjoni rebbieħa tal-Premju għaċ-Ċittadini tingħaqad ma’ oħrajn minn 26 pajjiż tal-Unjoni Ewropea f’ċerimonja li se ssir f’Ottubru fil-Parlament Ewropew fi Brussell.

Imwaqqfa 25 sena ilu fl-Imtarfa, Dar il-Kaptan tippermetti lill-familji li għandhom persuna b’diżabbilità li regolarment jieħdu ftit jiem ta’ mistrieħ. Sa mit-twaqqif tagħha l-motto ta’ Dar il-Kaptan kien “home away from home”. Wieħed mill-fundaturi Marcel Pisani, missier ta’ żewġt itfal b’diżabilità, spjega li dak iż-żmien il-kunċett ta’ din id-dar kien ġdid għal Malta.

“L-idea kienet biex aħna nderru lill-ġenituri li mhux ifittxuh fl-emerġenza biss is-servizz imma jużawh regolarment biex lilhom jibustjahom. Sfortunatament ħafna drabi l-ġenituri jkollhom ħafna guilt feeling li jitilqu t-tfal minn taħt idejhom u ħafna drabi jirrikoru hawnhekk meta jkun tard wisq meta jkunu għajjew meta jkunu tkissru imbagħad ikun diffiċli biex jirkupraw l-enerġiji tagħhom.”

Mart is-sur Pisani, Adelina, ukoll kienet tagħti sehemha f’Dan il-Kaptan. Hi kienet attiva fil-ġbir tal-fondi. Adelina tistqarr li anke għaliha kienet iebsa kull darba li kienet tħalli lil uliedha f’Dar il-Kaptan. “Meta tqum tara s-sodod vojta kienet għafsa. Dak iż-żmien ma stajtx nidra imma kienet a blessing in disguise.”

Iċ-chairperson tad-dar, Jennifer Sant qalet li l-filosofija ta’ Dar il-Kaptan hija mifruxa fuq id-dritt tal-individwu għal dinjità, rispett u privatezza. Spjegat li l-persuni b’diżabbilità minn sitt xhur ‘il fuq jinqasmu fi gruppi ta’ sabatax-il persuna kull wieħed. “Is-servizz nagħtuh mhux skont kemm bniedem jiflaħ finanzjarjament u lanqas skont id-diżabilità aħna nagħtu servizzi lill-persuni b’diżabbilità kollha.”

Il-ħaddiema u l-carers f’din id-dar jagħmlu l-almu tagħhom biex Dar il-Kaptan isir it-tieni dar għall-persuni b’diżabilità li jqattgħu ftit jiem magħhom.

Il-ħidma ta’ Dar il-Kaptan ġiet rikonoxxuta permezz tal-Premju Ewropew għaċ-Ċittadini 2016. Il-Premju ingħata f’ċerimonja organizzata mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew

Fil-25 anniversarju mit-twaqqif ta’ din l-għaqda mhux governattiva, il-Prim Ministru u s-Sinjura Muscat stiednu lill-impjegati u l-klijenti ta’ Dar il-Kaptan għal laqgħa soċjali fil-Palazz tal-Girgenti. Il-Prim Ministru rrefera għas-sostenn finanzjarju li l-gvern jagħti lil Dar il-Kaptan u wera rikonoxximent għall-ħidma li titwettaq b’tant għozza u dedikazzjoni. Sal-lum mal-425 familja ibbenefikaw mis-servizzi ta’ Dar il-Kaptan li bħalissa qed toffri respite residenzjali u ta’ matul il-jum għal aktar minn 280 persuna b’diżabbilità.