Saħħa
Dar Kenn għal Saħħtek tikkura mal-1,500 persuna b’kundizzjonijiet assoċjati mal-ikel

F’ħames snin, il-professjonisti ta’ Dar Kenn għal Saħħtek raw mal-1,500 persuna li ngħataw kura għal diversi kundizzjonijiet assoċjati mal-ikel, bejn obeżità u eating disorders. Sa mill-ftuħ ta’ din id-dar, fi Frar tal-2014, is-servizzi u l-kura żviluppat skont il-ħtiġijiet tal-pazjenti. Id-Direttur ta’ Dar Kenn għal Saħħtek, Darleen Zerafa qalet li l-età tal-persuni li jingħataw kura għall-eating disorders qed tonqos, u qed jaraw tipi ġodda ta’ eating disorders.

Aktar minn 1,500 persuna bbenefikaw mis-servizzi ta’ Dar Kenn għal Saħħtek sa minn mindu fetħet il-bibien tagħha ħames snin ilu.

Id-Direttur tad-dar fl-Imtarfa, Darleen Zerafa, qalet li mal-elf persuna ngħataw l-għajnuna biex jitilfu l-piż żejjed u ħames mija oħra ngħataw il-kura għall-eating disorders. Is-servizzi jingħataw kemm fuq bażi residenzjali u outpatient.

Darleen Zerafa qalet “aħna hawnhekk ġo Dar Kenn għal Saħħtek, għalkemm hu ċentru wieħed imma noffru diversi servizzi fosthom għandna programm iddedikat għall-obeżità li huwa magħmul minn tmien ġimgħat fejn persuna tiġi hawnhekk toqgħod hawn b’mod residenzjali fejn tiġi segwita minn team ta’ professjonisti. Imbagħad għandna fis-sular ta’ fuq għandna programm li hu totalment differenti minn dak tal-obeżità fejn aħna jkollna każijiet ta’ bulimja, anoressija u issa qed naraw selective eating disorders.”

Darleen Zerafa qalet li l-maġġoranza tal-pazjenti b’eating disorder huma nisa għalkemm għaxra fil-mija huma subien. Irrimarkat li meta mqabbel ma’ ħames snin ilu aktar subien qed ifittxu l-għajnuna għal dawn il-kundizzjonijiet, li għandhom konsegwenzi mhux biss psikoloġiċi imma anke fiżiċi, ħafna drabi serji ħafna. Żiedet li l-età medja tal-pazjenti qed tonqos ukoll.

Darleen Zerafa qalet “obeżità, l-età medja li rajna kienet bejn l-erbgħin u l-ħamsin sena. Meta mbagħad nitkellmu fuq eating disorders l-età medja kienet ta’ bejn l-għoxrin u t-tnejn u għoxrin sena, issa aktar ma għadda ż-żmien, l-età dejjem qed tonqos u qed naraw pazjenti li jkollhom erbatax – tlettax-il sena.”

Is-Sinjura Zerafa qalet li l-kura għall-eating disorders tingħata b’mod individwali – skont il-ħtiġijiet tal-pazjenti. Spjegat li l-professjonisti ta’ Dar Kenn għal Saħħtek jibqgħu jsegwu lill-pazjenti għal perjodu twil ta’ żmien wara li jtemmu l-kura sabiex tonqos il-possibilità li jerġgħu jaqgħu fil-kundizzjoni.

Id-Direttur ta’ Dar Kenn għal Saħħtek qalet li hemm pjan biex jiżdiedu s-servizzi f’din id-dar u se tiffoka aktar fuq l-għarfien b’mod partikolari dwar l-eating disorders u kif persuna tinduna bihom u kif tista’ jġib ruħha ma’ min hu affettwat b’din il-kundizzjoni psikoloġika.

Aħbarijiet Oħra
Temp

Skont il-paġna fuq Facebook, it-Temp Madwarna, jidher li l-ewwel maltempata tinsab wara l-bieb. Skont l-istess paġna diversi mudelli tat-temp qed jindikaw li fl-aħħar jiem t’Awwissu jista’ jkollna l-ewwel xita hekk kif…

Kronaka

Żagħżugħ Franċiż ta’ 24 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li x’aktarx ipprova jaqbeż minn fuq dgħajsa għall-baħar u spiċċa ħabat rasu mad-dgħajsa. Il-pulizija qalet li ġiet infurmata bl-inċident, li seħħ…

Lokali

Id-Dwana kkonfiskat 1,700 sigarett tal-kuntrabandu minn maħżen ta’ stabbiliment f’Bormla. Dan seħħ wara xhur ta’ sorveljanza mill-uffiċjali tad-Dwana. Is-sid inqabad fil-fatt joħroġ kaxex ta’ sigaretti tal-kuntrabandu mill-maħżen, li jinsab biswit…

Lokali

Beda jaqta’ x-xagħar ta’ 13-il sena u llum li għandu 68 sena m’għandux ħsieb li jieqaf. Il-barbier Żejtuni Louis Cassar jispjega lil TVM għal xiex mal-bieb ta’ barra weħħel tabella…

Aktar