Dar San Ġużepp f’Għawdex se ssir residenza għall-anzjani

Il-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali llum iltaqa’ b’tema speċifika fuq l-aġenda: Għawdex.

Fil-bidu tal-laqgħa, il-Ministru għal Għawdex, Anton Refalo, qal li sar studju fost l-Għawdxin biex ikun magħruf kemm potenzjalment titlef flus il-kumpanija Gozo Channel jekk ikun introdott servizz veloċi bil-baħar bejn l-Imġarr u l-Belt Valletta.

L-istudju li sar fost madwar 500 Għawdxi wera li l-Għawdxin lesti li jħallsu sa ħames Ewro kull vjaġġ li jieħu l-istess ħin tal-vjaġġ bħalissa mill-Imġarr għaċ-Ċirkewwa. Habbar li s-sena d-dieħla l-Gvern se joħrog sejħa għall-espressjoni ta’ interess għal dan is-servizz, bil-ħsieb li jkun hemm vjaġġi li jgħaqqdu lil Għawdex ma’ Malta u anke Sqallija.

Dwar il-heliport, il-Ministru t’Għawdex qal li dan jinsab żdingat u qed isir studju biex ikun magħruf jekk jerġax jiġi ntrodott is-servizz tal-helicopter jew ajruplan.

Dr Refalo żvela li l-Knisja għaddiet lill-gvern Dar San Ġużepp f’Għajnsielem b’kirja ta’ 60 elf Ewro fis-sena għal 30 sena. Qal li  l-gvern diga’ applika għall-permess biex isir xogħol strutturali ħalli l-binja tibda tintuża bħala residenza għall-anzjani.

Il-Ministru Refalo qal li l-bini minn fejn kienet topera l-Korporazzjoni tax-Xoghol u t-Taħrig fix-Xewkija se jingħata lill-kumpanija tal-informatika li ser timpjega 100 persuna.