Lokali
Dar ta’ formazzjoni ġdida għat-tfal u ż-żgħażagħ fl-Għarb

Ir-reliġjużi rġiel tas-Salesjani ta’ Don Bosco rritornaw f’Għawdex wara li ilhom 60 sena nieqsa mill-gżira.

Il-preżenza tagħhom hi b’dar maħsuba għall-formazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ biex ikunu mexxejja tal-lum u ta’ għada skont il-kariżma tal-fundatur: San Ġwann Bosco.

Dar fl-Għarb li ilha magħluqa s-snin u li tinsab f’żona kwieta b’veduti mill-isbaħ ta’ diversi għelieqi sas-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu u lil hinn għaddiet f’idejn is-Salesjani b’donazzjoni minn Maria Assunta Apap li f’ħajjitha kienet esprimiet ix-xewqa li tintuża għas-servizz tat-tfal u ż-żgħażagħ.

Patri Emmanuel Camilleri spjega li s-Salesjani rranġaw din id-dar b’mod li żammew mal-istil oriġinali biex taqbel mal-ambjent tal-madwar waqt li fuq ġewwa adattawha biex tilqa’ tfal u ż-żgħażagħ li jkun jistgħu jqattgħu minn ftit sigħat sa ftit ġranet għal seminars, laqgħat ta’ formazzjoni u rtiri.

“L-għan hu li noħolqu spazju għat-tfal u għaż-żgħażagħ Għawdxin u Maltin fejn ikollhom spazju mhux biss fejn jirrikreaw lilhom infushom, imma wkoll ikollhom spazju għall-formazzjoni.

Don Bosco kien jemmen li mar-rikreazzjoni, il-formazzjoni hi importanti u l-formazzjoni mhix biżżejjed weħidha imma teħtieġ ir-rikreazzjoni.”

Fakkar li għan ewlieni tas-Salesjani hu li jgħinu liż-żgħażagħ jiżviluppaw it-talenti tagħhom, b’mod speċjali l-iżvilupp fil-karattru tagħhom ta’ sens ta’ tmexxija.

“Kif nafu ħadd ma jitwieled leader imma kulħadd jista’ jsir leader u dak li nippruvaw nagħmlu s-Salesjani, li niffurmaw żgħażagħ li jkunu leaders tal-lum u ta’ għada speċjalment fost sħabhom.

Dan il-post ser iservi biex jifforma ħafna tfal u żgħażagħ għal-leaders tal-lum u ta’ għada skont il-qalb, ix-xewqa u l-kariżma ta’ Don Bosco.”

Dar Marija Assunta mistennija ssaħħaħ ir-relazzjoni bejn is-Salesjani ta’ Don Bosco u l-komunità Għawdxija wara li r-reliġjużi rġiel ta’ din l-ordni ilhom neqsin minn Għawdex ‘il fuq minn 60 sena.

Fl-1963 kienu telqu mill-Oratorju Don Bosco, fir-Rabat.