Qorti
David Casa jixhed fl-inkjesta pubblika fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Dalgħodu f’awla 20 issoktat l-inkjesta pubblika indipendenti li qed tistħarreġ jekk l-istat setax evita l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fuq il-pedana tax-xhieda tela’ l-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa, li wara li għadda informazzjoni lill-bord tal-inkjesta ntalab jixhed dwar il-fatti li jaf.

Jgħid li ngħata parir ma jsuqx il-karozza tiegħu, jiġi mgħajjar meta jkun miexi l-Belt

Bil-ġurament xehed li għalkemm mhuwiex Pulizija jew l-Avukat Ġenerali ħass il-ħtieġa li jagħmel pressjoni biex fi kliemu jindaga dwar id-delitt tas-Sinjura Caruana Galizia.

Qal li l-kumpanija 17 Black kienet waħda mill-fatturi li wasslet għall-mewt ta’ Caruana Galizia. Qal li ħassu mhedded u għamel rapporti lill-Pulizija iżda ma sar xejn.

Semma kif ma kienx żmien faċli għaliex Yorgen Fenech saħansitra offra flus biex huwa ma jkunx elett. Casa qal li fuq pariri tal-esperti ma jistax isuq il-karozza tiegħu u lanqas wisq jista’ jattendi quddies ta’ nhar ta’ Ħadd waħdu. Qal li jkun miexi l-Belt u jiġi mgħajjar, li qal hi frott l-impunità tal-pajjiż.

Jiċċara li ma kienx hemm theddid ta’ vjolenza fil-konfront tiegħu 

Qal li meta kellu f’idejh ir-rapport tal-FIAU ġie mhedded minn Manuel Mallia u l-avukati ta’ Keith Schembri. Tenna li għalhekk tela’ jixhed fil-Qorti, li ddeskriva bħala l-unika istituzzjoni li għandu fiduċja fiha.

Minkejja t-theddid Casa qal li qatt ma kien hemm l-użu ta’ vjolenza fil-konfront tiegħu mill-persuni li għamel referenza għalihom. Qal li t-theddid kien dwar proċeduri legali.

Jgħid li Caruana Galizia kienet  l-aktar waħedha fil-kampanja għall-kap tal-PN fl-2017

Qal li Daphne kienet ħabiba personali tiegħu, u li kienet l-aktar waħedha fil-kampanja għall-kap tal-Partit Nazzjonalista fl-2017. Qal li wara mewtha għamel patt li jinvestiga kull każ li kienet qed taħdem fuqu.

Qal li fl-aħħar kampanja għall-Parlament Ewropew ħass li l-Partit Nazzjonalista ma ridux ikun elett u li ma kienx il-kandidat favorit tal-Partit. Qal li m’għandux dubju li l-allegat pagament biex huwa ma jiġix elett sar. Il-bord fakkar lix-xhud li dwar din l-allegazzjoni hemm inkjesta separata quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke.

Jixhed dwar l-Electrogas u l-wind farm fil-Montenegro

Ix-xhud ikompla jixhed dwar ir-rapport tal-FIAU, 17 Black, l-Bank Pilatus, il-Wind Farms ta’ Montenegro u pagament lil uffiċjal tal-Electrogas. Qal li ma ppubilkahx għax kien illegali u għax ma rridx jippreġudika investigazzjonijiet li forsi kienu qed isiru. Qal li fir-rapport li kellu kien hemm referenza lejn il-ftehim tal-Wind Farms tal-Montenegro.

Dwar l-arrest ta’ Ali Sadr Hasheminejad, Casa qal li għalkemm fil-Istati Uniti ma nstabx ħati dan għandu jigi estradit lejn Malta biex jirrispondi għal akkużi ta’ ħasil ta flus. Xehed dwar Nexia BT, li qal kienet il-magna tal-ħasil ta’ flus.

Jgħid li ma jistax jaċċetta li tneħħew l-akkużi fil-konfront ta’ Joseph Muscat

Dwar l-inkjesta Egrant, ix-xhud qal li l-Prim Ministru gideb u li huwa ma setax jaċċetta li tħassru l-akkużi fil-konfront ta’ Joseph Muscat. Xehed li kiteb lill-Avukat Ġenerali tal-Emirati Għarab Magħquda u l-FIAU tal-pajjiż, biex jara hux minnu li l-awtoritajiet tal-pajjiż ma jridux jikkooperaw.

Qal li sar jaf li l-awtoritajiet tal-Emirati Għarab Magħquda talbu għal-laqgħa mal-awtoritajiet Maltin, tant li saret laqgħa virtwali. Il-bord hawnhekk innota li din il-laqgħa virtwali diġà ssemmiet f’seduta oħra.

Wara li s-Sur Casa kompla jixhed fil-magħluq, is-seduta ġiet diferita għat-12 ta’ Awwissu, fejn mistenni jixhed il-Ministru Edward Scicluna.