Kronaka
Dawk l-imberkin telefonati!

Fl-aħħar jiem reġa’ kien hawn mewġa ta’ telefonati minn barra li huma biżżejjed biex iservu ta’ test tal-paċenzja, iżda jaf ikollhom konsegwenzi, fost l-oħrajn fuq il-but. Din mhix esperjenza għal konsumaturi Maltin biss, u minkejja sforzi li qed isiru mill-industrija tal-komunikazzjoni, s’issa m’hemmx soluzzjoni biex jinqatgħu.

Minn żmien għal żmien ħafna għadhom jesperjenzaw telefonati ta’ dan it-tip fuq il-mobile tagħhom . . . telefonati li joriġinaw min-numri barranin li jdoqqu darba jew tnejn u jaqtgħu, biżżejjed biex jaħsduk f’ħin il-mistrieħ, itellfuk mill-attenzjoni jew idaħħlulek mitt ħsieb f’moħħok.

Dawn it-telefonati, magħrufa bħala ‘Wangiri scams’, isiru b’sistemi kompjuterizzati, li f’ħin qasir iwettqu ammont kbir ta’ telefonati. Ġeneralment il-mobile idoqq darba jew tnejn u jaqta’, bit-tir li ma tilħaqx tirrispondi u jħajrek iċċempel lura. Min jagħmel hekk jispiċċa jħallas it-tariffa ta’ telefonata internazzjonali, bil-kont ħafna drabi jkompli tielgħa għax iħalluk fuq il-linja tistenna, fost tattiċi oħra biex itawlu l-ħin.

L-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni, flimkien mal-operaturi lokali: Vodafone, Go u Melita, jirrakkomandaw lill-konsumaturi ma jirrispondux telefonati internazzjonali min-numri li ma jafux, u jekk jiġri hekk jaqtgħu mill-ewwel. Lanqas m’għandhom iċemplu lura. Il-konsumaturi huma mħeġġa biex bil-mobile tagħhom stess jimblukkaw dawn in-numri u jinfurmaw lill-operaturi bihom. L-operaturi assiguraw lil Television Malta li huma ma jipprovdux numri tal-klijenti tagħhom.

Deborah Pisani mill-Awtorità tal-Komunikazzjoni qalet li l-awtorità u l-operaturi għandhom ftehim li ilu fis-seħħ aktar minn sena dwar sistema biex jimblukkaw dawn in-numri, iżda hemm diffikulta’ biex dawn it-telefonati qarrieqa jitwaqqfu għal kollox.

“Meta jiġi identifikat numru jew grupp ta’ numri li qed jintuża għal dan l-iskop, din l-informazzjoni tigi komunikata lill-operaturi lokali kollha biex ikunu jistgħu jimblukkaw in-numri. Madankollu ghalkemm dan il-process sewa ta’ gid, mhuwiex dejjem effettiv ghax l-entitajiet wara dawn l-iscams spiss ibiddlu n-numri li minnhom isiru t-telefonati. Għaldaqstant tibqa’ sfida kbira biex l-inkonvenjent minn dawn it-teleofnati jitnaqqas għal kollox,” spjegat Pisani.

Hemm tip ieħor ta’ telefonati min-numri barranin li jinvolvu xorta oħra ta’ qerq u ingann, kif spjega l-Ispettur tal-Pulizija Timothy Zammit mit-Taqsima tac-Cybercrime. “Jista’ sempliċiment ikun qed jiġi mitlub informazzjoni li sussegwentament tiġi użata kontrih, bħal per eżempju dettalji tal-kont bankarju tiegħu, dettalji tal-credit cards tiegħu, jew inkella dettalji bħal saħansitra passwords tal-kontijiet li għandu fuq l-internet.”

L-Ispettur Zammit saħaq li qatt m’għandha tingħata informazzjoni personali. Żied jgħid li dawn it-tip ta’ telefonati għandhom jitqiesu kollha bħala suspettużi u l-appell tal-Pulizija lill-pubbliku hu biex ma jafdax.