COVID-19
Dawk li fiequ mill-Covid-19 f’Malta qed jgħinu fl-istudji għal trattament

Ħafna minn dawk li fiequ mill-Covid-19 f’Malta qed jgħinu lill-awtoritajiet tas-saħħa biex jinstab trattament.

Is-Supretendent tas-Saħħa, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li l-awtoritajiet tas-saħħa qed jittestjaw id-demm ta’ dawk li fiequ u li minn jeddhom offrew din l-għajnuna, biex b’hekk ikun magħruf x’tip ta’ antibodies għandhom.

Żiedet li qed isiru wkoll provi kliniċi fuq il-plasma, li huwa l-likwidu fid-demm, biex ikun jista’ jintuża bħala trattament għall-Covid-19.

Rigward il-possibiltà li l-virus bidel il-forma, Prof Gauci qalet li għadha għaddejja riċerka fuq il-profil ġenetiku tal-virus.

Madanakollu qalet li kollox jindika li dan qed jagħmel l-istess effetti fuq il-persuni li qed jimirdu issa bħal dawk li kienu mardu fil-bidu. Qalet ukoll li s-sintomi f’Malta huma simili għal dawk li qed naraw f’pajjiżi oħra.

Prof Gauci tenniet l-appell biex kulħadd jagħmel l-almu tiegħu biex jibqa’ josservaw l-miżuri ħalli r-rati ta’ infezzjoni jibqgħu baxxi.

Ara wkoll:

14-il każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta, 7 oħra mfejqa