Xogħol
Dawk li jaħdmu full-time għal rashom żdiedu b’1,465 fuq is-sena l-oħra

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ppubblika ċifri li jagħtu stampa tas-settur tax-xogħol qabel ma ġie affettwat mill-pandemija.

Jannar li għadda mqabbel ma’ Jannar tas-sena l-oħra rriżulta f’żieda ta’ eluf ta’ impjiegi full-time waqt li kien hemm tnaqqis marġinali fil-qgħad.

Ċifri dwar l-impjiegi f’Jannar li għadda juru li f’Malta u Għawdex kien hawn 229,325 ħaddiem b’impjieg full-time, żieda ta’ aktar minn 14,000 ħaddiem jew 6.6% fuq Jannar 2019.

L-aktar oqsma li ġġeneraw postijiet ġodda ta’ xogħol kienu: fl-amministrazzjoni u servizzi ta’ appoġġ, u fl-industrija tal-kostruzzjoni.

L-akbar żieda fl-impjiegi full-time kienet fis-settur privat li f’sena waħda beda jħaddem 13,038 persuna oħra, waqt li l-impjiegi fis-settur pubbliku żdiedu b’1,140 f’sena u fl-aħħar ta’ Jannar kienu jqarrbu d-49,400.

L-għadd ta’ persuni li ddikjaraw li l-impjieg full-time tagħhom huwa bħala self-employed, jaħdmu għal rashom, żdied b’1,456 f’sena.

Anke l-impjiegi part-time żdiedu fl-ewwel xahar tas-sena, bi ftit iktar minn 30,500 kellhom xogħol part-time apparti l-impjieg full-time żieda ta’ 10.6% f’sena waqt li żdiedu bi 2.7% għal ftit iktar minn 34,500 dawk li l-impjieg part-time kien ix-xogħol ewlieni tagħhom

Jirreġistraw għax-xogħol f’Jannar kien hemm 1,691 persuna: 105 persuni anqas minn Jannar 2019. It-tnaqqis fil-qgħad kien fiż-żewġ partijiet tar-reġistru.

L-ewwel parti jinkludi nies li qed ifittxu l-ewwel impjieg, iridu jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol jew spiċċaw qiegħda. Fit-tieni parti tar-reġistru tal-qgħad, Jobsplus iżżomm lil dawk li tkeċċew mill-impjieg minħabba azzjoni dixxiplinarja, telqu mix-xogħol minn jeddhom, irrifjutaw xogħol jew opportunitajiet ta’ taħriġ, jew inqatgħu mill-ewwel parti tar-reġistru wara li nstabu irregolaritajiet.