Saħħa
Dawn il-ġimagħtejn mistenni l-agħar tal-influwenza

L-awtoritajiet tas-saħħa jaħsbu li l-agħar fażi tal-influwenza staġjonali se tkun bejn din il-ġimgħa u l-ġimgħa d-dieħla, tant li l-isptarijiet qed iħejju għaż-żieda fil-pazjenti li jistgħu jkollhom bżonn jiddaħħlu l-isptar minħabba kumplikazzjonijiet ikkaġunati mill-influwenza. Is-Soprintendent tas-Saħħa Pubblika, Professur Charmaine Gauci, qalet li s’issa madwar 13% tal-Maltin diġà nħakmu mill-influwenza u fittxew il-kura għand it-tabib tal-familja. Il-Professur Gauci qalet iżda li min ħa t-tilqima kontra l-influwenza għandu protezzjoni tajba għax l-influwenza li hawn hija tat-Tip A kif kien previst fit-tilqima kontra l-influwenza.

F’Malta, bħall-bqija tal-pajjiżi Ewropej, tinsab maħkuma minn mewġa ta’ influwenza staġjonali. Min-nofs ix-xahar li għadda, madwar 13% l-popolazzjoni qabditha l-influwenza u fittxew il-kura tat-tabib għas-sintomi tal-influwenza. Is-sena l-oħra, fl-agħar żmien tal-passa tal-influwenza, kienu 16% li nħakmu minn din l-imxija.

Is-Soprintendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li hu mistenni li l-agħar tal-influwenza f’Malta se tkun bejn din il-ġimgħa u l-ġimgħa d-dieħla. Qalet li l-isptarijiet huma infurmati u mħejjija biex jilqgħu pazjenti b’ċertu kundizzjonijiet li jista’ jkollhom kumplikazzjonijiet bl-influwenza.

Profs Gauci qal “l-influwenza tibda tiela’ minn Ottubru bil-mod il-mod u propju dak li qegħdin naraw din is-sena, bħalma konna naraw is-snin l-oħrajn. L-influwenza tiela’ u issa qegħdin nistennew li bejn dil-ġimgħa u l-ġimgħa d-dieħla nkunu qegħdin nilħqu l-peak tal-influwenza u għalhekk hemmhekk huwa stadju fejn in-nies iridu jieħdu iktar prevenzjoni biex inkomplu nnaqqsu l-firxa ta’ din il-passa.”

Profs Gauci qalet li mill-iswabs li ħadu s’issa, l-influwenza li qed tolqot pajjiżna hija dik imsejħa tat-Tip A, li għaliha ħadu t-tilqima iżjed minn 85,000 persuna.

“Nagħmlu wkoll swabs ħalli nkunu nafu eżatti x’tip ta’ influwenza, virus ikollna qed jiċċirkola. Li qegħdin naraw hija simili ħafna bħalma qegħdin jaraw ukoll fl-Ewropa hija li maġġjor parti tal-każijiet tal-influwenza huma tat-tip A, l-H1 u l-H3, li hija xi ħaġa li hija tajba għaliex huma virsues li kienu inkorporati fit-tilqima li aħna propju qegħdin naraw. Għalhekk qegħdin naraw li din it-tilqima tkun tista’ toffri protezzjoni meħtieġa” qalet Profs Gauci.

Sostniet li għalkemm il-parir jibqa’ li wieħed jieħu t-tilqima kmieni, xorta waħda għad hemm iċ-ċans li wieħed jeħodha issa għaliex f’Malta l-passa tal-influwenza tibqa’ għaddejja sa April. It-tilqima ddum ġimagħtejn biex tibda taħdem.

Staqsejna lill-Professur Gauci b’liema mod wieħed jista’ jagħraf li għandu influwenza u mhux riħ komuni. “L-influwenza hija propju differenti ħafna, taffettwak iktar qalila, tiġi f’daqqa waħda, tmiddek, ma tħallikx tkompli bil-ħajja tiegħek ta’ kuljum, uġigħ ma’ kullimkien, ġeneralment jitla’ d-deni u jkun hemm is-sogħla wkoll. Ir-riħ komuni hija xi ħaġa differenti li tibda tiġi bil-mod, ġeneralment iktar ikun hemm sintomi ta’ mnifsejn iqattru, dik il-griżmejn juġgħu, sogħla ħafifa u ġeneralment ma jitlax ħafna d-deni, u ġeneralment il-persuna jkompli għaddej bil-ħajja tiegħu ta’ kuljum.”

Qalet li n-nies li jbatu minn mard kroniku jridu joqogħdu ħafna attenti u jekk taqbadhom l-influwenza jkellmu tabib biex jibdew il-mediċini kmieni. Insistiet li l-antibiotiċi m’għandhomx jittieħdu f’każi ta’ influwenza għaliex dawn ma jaħdmux fuq il-virus. Il-Professur Gauci qalet li issa li qegħdin fl-agħar żmien tal-influwenza, importanti li min hu marid ma joħroġx mid-dar biex ma jkompix ixerred il-mard u enfasizzat ukoll l-importanza tal-ħasil tal-idejn b’mod regolari u li wieħed jagħtas jew jisgħol f’tissue u din tintrema mill-ewwel.

Ara wkoll:

Appell lill-anzjani fit-temp kiesaħ tax-xitwa

Oħroġ il-ġkieket, l-ingwanti u x-xalel għax għada se tkun ħafna kesħa