Lokali
“Dawn il-ħaddiema ħaqqhom kumpens, ħaqqhom ġustizzja”

Dokumentarju ta’ Television Malta tefa’ dawl ġdid fuq kif mijiet ta’ eks tarznari kienu esposti għall-asbetos u żviluppaw kumplikazzjonijiet mediċi fosthom kanċer tar-rita tal-pulmun. Ħaddiema rrakuntaw li min fittex lill-kumpaniji barranin tal-vapuri għad-danni, kulma rċevew kienu biss kumpens ta’ madwar €3,000 u li għal uħud minnhom, kien tard wisq għax laħqu mietu. Ir-riċerka u l-intervisti saru mill-ġurnalist Liam Carter.

Għalkemm it-Tarzna ta’ Malta ilha magħluqa 10 snin, xorta għadha qed tikkawża l-mewt ta’ bosta eks tarznari. Dan għaliex għall-perjodu twil it-tarznari kienu esposti mingħajr protezzjoni għall-asbestos waqt il-lant tax-xogħol, bil-konsegwenza li aktar tard f’ħajjithom żviluppaw kumplikazzjonijiet mediċi fosthom kanċer tar-rita tal-pulmun.

Fid-dokumentarju ‘Mewta Siekta’ li xxandar fuq Television Malta, numru ta’ eks Tarznari qasmu l-esperjenza tagħhom ta’ dik li darba kienet l-akbar ażjenda f’Malta, b’uħud minnhom bid-dmugħ f’għajnejhom rrakkuntaw id-dilemma li kellhom meta ġew mhedda b’sensji meta rrifjutaw li jaħdmu minħabba r-riskji u l-perikli tal-asbestos.

“Aħna pruvajna nieħdu stand waqafna għal xi żmien. Iżda ġejna ordnati nmorru naħdmu bilfors. Tawna l-ilbies prottetiv li semmejtlek u li għal-lum mhuwiex tajjeb u kellna mmorru naħdmu bilfors inkella kien ikollna nispiċċaw mit-Tarzna nispiċċaw bla impjieg.”

Tkellmu wkoll dwar il-fatt li kellhom jaraw lil sħabhom jbagħtu u jmutu mewta kerha ħafna drabi ftit żmien biss wara l-età tal-irtirar.

Chris Bartolo, eks tarznar qal “jiddispjaċik ħafna Ilum il-ġurnata meta wasal biex jistrieh dan ir-raġel ħadu l-asbestos jiddispjaċik ħafna wara daqs tbatija li jkun bata imbagħad jiġi biex jistrieħ u kieku ma belax l-asbestos kien jagħmel 4 t’ijiem jgħix oħra.”

Intervistat waqt Mewta Siekta, Il-Kap tat-Taqimsa tal-Mard Respiratorju, il-Professur Stephen Montfort saħansitra stqarr li l-mard relatat mal-asbestos issa qed jonqos għax il-ħaddiema m’għadhomx esposti għal dan il-materjal perikoluż. Il-Professur Montfort qal li s’issa għad m’hawnx trattament effettiv għall-kanċer tal-asbestos.

Min naħa tiegħu s-Segretarju tat-Taqsima Metall u Kostruzzjoni tal-GWU Jesmond Marshall qal li l-Union għanda mal-400 kawża ta’ ħaddiema li fittxew kumpens għad-danni. Qal iżda l-proċess huwa twil u ħafna mid-drabi sakemm jitħallsu għad-danni, il-ħaddiema jkunu diġà mietu.

“U żgur li għandhom jiġu kkumpensati u mhux bi ftit ee. Għandhom jiġu kkumpensati għax veru l-flus mhux kollox imma issa l-bniedem telaq. Il-familja baqgħet mingħajr missier, għandha bżonn il-flus. Jiena naf bniedem miz-Żurrieq ta’ 49 miet, bl-asbestos miet mhux se nsemmieh imma kulħadd jaf min hu. Il-mara tiegħu spiċċat trabbi tifel mingħajr missier meta dan kien fadalu miżerjament 13-il-sena 14-il sena jaħdem.”

Id-dokumentarju “Mewta Siekta” jinstab fuq TVMi u fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Television Malta. Tista’ tarah ukoll hawn taħt: