Lokali
“Dawn il-kummenti jimbuttaw lil min ikun bejn ħaltejn biex iweġġa’ lilu nnifsu”

Raġel li l-Ġimgħa filgħodu qatta’ aktar minn sagħtejn f’xifer is-sur tal-Belt bil-ħsieb li jaqbeż irtira wara ħidma minn tim ta’ professjonisti u s-servizzi ta’ emerġenza li kkonvinċewh ibiddel fehemtu u ma jwettaqx dak li kellu f’moħħu.

It-tim magħmul minn uffiċjali tal-pulizija mħarrġa apposta għal dawn iċ-ċirkostanzi, tim tal-emerġenza mill-isptar Mater Dei, ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili u l-Psikjatra Mark Xuereb qattgħu madwar ħin twil qrib ir-raġel sakemm eventwalment mexa lejhom. Dr Xuereb qal li r-raġel bħalissa qed jieħu l-kura u l-każ tiegħu qed jiġi eżaminat.

“Għamilna risk assessment. Ipprovajna kemm jista’ jkun naraw naqra s-sitwazzjoni. X’kienu l-bżonnijiet ta’ din il-persuna – li hija persuna vulnerabbli – bdejna sensiela ta’ negotiations ta’ kliem psikoloġiku indunajna x’kienu l-issues u għall-grazzja ta’ Alla rnexxielna nagħtu dik l-għajnuna immedjata f’dak il-mument biex inġibu lill-persuna to a place of safety.”

Madankollu din il-ħidma delikata ġiet imxekkla minn għadd ta’ persuni li nġemmgħu fuq il-pont li jagħti għal Belt li bdew jinstigaw lir-raġel biex jaqbeż – xi wħud anke nstemgħu jiddieħku bih. Fost il-frażijiet li spikkaw kien hemm: “ejja ħa narawk taqbeż” jew “ejja ħa narawk tinfaqa’ ħa nitlaq ‘l hemm”.

“Xekkilna mhux ftit għax jekk kien hemm mument fejn aħna konna qed nipprovaw inġibuh fuq il-pjattaforma, din il-persuna tfixklet b’dawn il-kummenti li verament m’għenux.”

Iċ-chairman tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali, il-Psikjatra Anton Grech, stqarr li personalment kien ta’ xokk għalih jisma’ kummenti ta’ persuni li kienu qed inaqqsu mill-gravità ta’ dak li kien qed iseħħ quddiemhom.

“Litteralment huwa xxokkjat ma immaġġinajtx li nies jistgħu jagħmlu kummenti bħal dawn lil ħaddieħor. Immaġina għandek persuna li tant hija ddisprata li qed tħoss li għandha tneħħi ħajjitha u xi ħadd qiegħed iħeġġiġha jew jimminimiza s-sitwazzjoni u żgur li min ikun bejn ħaltejn affarijiet bħal dawn jimbuttawh iktar biex iweġġa’ lilu nnifsu.”

Dr Grech spjega li f’ċirkostanzi bħal dawn l-aħjar li wieħed jitkellem u jżomm konverżazzjoni mal-persuna li tkun fi stat ta’ paniku.

“Kemm jista’ jkun tissejjaħ l-għajnuna ta’ nies oħra, però importanti ħafna li dak li jkun jikkomunika, jitkellem, iħoss li dak il-bniedem huwa mifhum.”

Dr Grech irrimarka li kien hemm bosta każi ta’ persuni li għadhom ħajjin għax sabu persuna li għadditilhom kelma tajba f’dawn il-mumenti ta’ kriżi.