Infrastruttura
Dawn l-inċidenti traġiċi se jibqgħu jiġru – ġeoloġista

Fid-dawl tal-inċident li seħħ jumejn ilu f’Gwardamangia, fejn waqgħet blokka appartamenti u ċediet ukoll dar, il-ġeoloġista Dr Peter Gatt qal li l-bini f’Malta se jibqa’ jitfarrak u jiġġarraf.

Dr Gatt qal li mhux l-ewwel darba li ċeda bini ħdejn siti li qed jiġu mħaffra fejn saħansitra tilfu ħajjithom in-nies. Għalhekk din il-problema tista’ titqies bħala waħda rikorrenti.

F’kumment li ta lil TVM, il-ġeoloġista Dr Gatt qal li l-bini fi Gwardamangia jidher li kien fi stat tajjeb u l-inċident seħħ x’aktarx minħabba kwistjoni ġeoloġika.

Dr Gatt irrimarka li xogħlijiet ta’ tħaffir u kostruzzjoni jirrikjedu evalwazzjoni ġeoloġika tas-sisien li fuqu jkun se jitla’ l-bini iżda sfortunatament, Malta tibqa’ l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea li ma tinfurzahx f’dan il-proċess. Huwa jemmen li wasal iż-żmien li l-awtoritajiet jaħtru esperti biex jevalwaw is-sitwazzjoni ġeoloġika tal-post qabel ma jibda xogħol ta’ kostruzzjoni.

Meta mistoqsi dwar x’seta’ ġara lill-binja f’Gwardamangia, Dr Gatt qal ix-xogħlijiet ta’ tħaffir x’aktarx wasslu għat-tiġrif tal-binja.

Qal ukoll lil TVM li binja tiġġarraf f’żewġ xenarji; meta in-natura tal-blata tkun dgħajfa minnha nnifisha jew meta l-blat ikun b’saħħtu iżda jinkixfulu x-xquq bit-tħaffir u eventwalment jispiċċa jċedi.

Għalhekk, bl-evalwazzjonijiet u l-prekawzjonijiet xierqa, is-sigurtà tal-blat tista’ tiġi ddeterminata qabel ma jibdew ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-bini kif ukoll ma’ proġett oħrajn bħat-tħaffir tal-mina bejn Malta u Għawdex.

Dr Gatt qal dan kollu mingħajr ma jippreġudika l-investigazzjonijiet li qed isiru.

Il-blokka appartamenti fi Gwardamangia li ċediet u spiċċat borġ ġebel jumejn ilu

Intant, fi stqarrija separata, il-Kamra tal-Periti kkummentat fuq in-nuqqasijiet li hemm fil-liġi li għandha x’taqsam mal-bini u l-kostruzzjoni. Filwaqt li qalet li ilha s-snin titlob lill-awtoritajiet ikkonċernati biex jirregolaw dan is-settur, it-talbiet tagħhom dejjem waqgħu fuq widnejn torox.

Il-Kamra tal-Periti qalet ukoll li l-ammont ta’ inċidenti u ħsara li tikkawża din l-industrija mhumiex aċċettabbli u hemm bżonn li l-kwistjoni tiġi indirizzata mill-aktar fis.

Semmiet ukoll il-fatt li l-Periti jaħdmu fl-industrija b’kondotta u warrant professjonali mentri l-kuntratturi li jmexxu x-xogħlijiet mhumiex regolati – u għalhekk dawn jistgħu joperaw mingħajr l-ebda assigurazzjoni u taħriġ fil-qasam.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Matul il-lejl li għadda, il-Pulizija flimkien ma’ membri tal-Forzi Armati ta’ Malti wettqu diversi kontrolli tat-traffiku madwar Malta fejn irriżultaw f’sejba ta’ droga kif ukoll ġew osservati ksur ta’ regolamenti tat-traffiku….

COVID-19

Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li fl-aħħar 24 siegħa ma ħareġ l-ebda każ ġdid ta’ coronavirus f’Malta bil-każijiet attivi issa jinżlu għal 5 hekk kif fiequ 2 persuni oħra. B’kollox f’Malta u…

Annimali

Il-persuni li jitimgħu l-qtates li hemm fiż-żona ħdejn iċ-ċimiterju f’Ħad-Dingli sabu twissija ma’ wiċċhom li ma jistgħux jitimgħuhom aktar. Jidher li qamet kwistjoni bejn il-feeders taż-żona u r-residenti fuq l-ikel…

Aktar