Ekonomija u Finanzi
DBRS tikkonferma r-rating ta’ Malta bħala A (High) b’xejriet stabbli

F’evalwazzjoni oħra tal-ekonomija Maltija, l-aġenzija internazzjonali DBRS ikkonfermat il-credit rating ta’ Malta fil-livell A High, b’xejriet stabbli. F’rapport dwar Malta, l-ekonomisti tal-aġenzija osservaw li l-andament ekonomiku u l-politika fiskali tal-pajjiż fl-aħħar snin, ħallew lil Malta f’qagħda relattivament tajba biex tilqa’ għar-riskji mill-pandemija tal-Covid-19.

Ir-rapport tal-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu DBRS sar fil-kuntest tal-effetti li l-pandemija ħallet fuq l-ekonomiji madwar id-dinja. Waqt li Malta żammet rating għoli ħafna, l-istess aġenzija rrevediet għal negattiv it-tbassir tar-rating tagħha għal pajjiżi bħal Franza, l-Italja u r-Renju Unit.

L-ekonomisti ta’ DBRS qalu li l-lockdown parzjali u r-restrizzjonijiet fl-ivvjaġġar li kienu ntiżi biex tiġi kkontrollata l-imxija, x’aktarx li se jirriżultaw f’riċessjoni temporanja għal Malta din is-sena. Madankollu huma ottimisti li l-pajjiż mistenni jirkupra b’saħħtu riżultat tal-ftuħ gradwali tal-ekonomija. Irrimarkaw iżda li għad hemm inċertezza fuq kif se tevolvi l-pandemija u t-turiżmu. L-ekonomisti tal-aġenzija jistennew li l-bilanċ fiskali u d-dejn jaqilgħu daqqa din is-sena minħabba li l-ekonomija ċkienet f’daqqa u l-pakkett ta’ għajnuna fiskali u inċentivi li offra l-gvern. Madankollu, huma jgħidu li r-rata tad-dejn xorta mistenni tkun mill-aktar baxxi fl-Unjoni Ewropea.

L-ekonomisti ta’ DBRS reġgħu taw rating fil-livell A (High) b’xejriet stabbli minħabba s-sħubija ta’ Malta fiż-żona Ewro, il-livell moderat tad-dejn pubbliku u l-pożizzjoni finanzjarja domestika li hi b’saħħitha. Mill-banda l-oħra, josservaw li l-fatt li l-ekonomija hi żgħira u miftuħa jesponiha għal xokkijiet li ġejjin minn barra.

F’dan l-isfond qalu li t-turiżmu, li hu sors importanti ta’ dħul għall-ekonomija, l-impjiegi u l-investiment barrani se jiffaċċjaw sfidi. Bl-istess mod qalu li Malta taf tbati milli tattira investiment barrani kemm-il darba ma jittieħdux miżuri li jindirizzaw ir-riskji tal-integrità fiskali u d-djugħfija fl-amministrazzjoni ta’ istituzzjonijiet kif elenkat minn entitajiet internazzjonali. Innutaw li l-awtoritajiet qed iwettqu dawk li sejħu sensiela ta’ riformi ambizzjużi għall-governanza u qalu li Malta qed titqabbel tajjeb mal-indikaturi tal-governanza kif stipulati mill-Bank Dinji. Fakkru li l-Kummissjoni Venezja laqgħet il-proposti leġislattivi tal-gvern.

DBRS ikkonkludiet li l-ekonomija Maltija se tbati anqas mill-bqija tal-pajjiżi fiż-Żona Ewro kawża tal-pandemija u l-potenzjal ta’ tkabbir se jibqa’ b’saħħtu għax il-miżuri ta’ appoġġ mill-gvern waqqfu ċ-ċans ta’ telf ta’ ħafna impjiegi.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Giuseppe Calì għandu rabta qawwija mal-Knisja tad-Dumnikani fil-Belt, mhux biss b’xogħlijiet ta’ arti tiegħu imma għax tgħammed u għammed lil uliedu f’din il-knisja. Fl-aħħar sena u nofs sar xogħol ta’…

Ambjent

L-għawwiema din is-sena wisq probabbli li qed jirnexxielhom jiskansaw xi tniggiża minn xi brama. Dan minħabba li l-klima sħuna ta’ din is-sena wasslet biex il-qatgħet ta’ bram jidħol qabel beda…

Infrastruttura

Il-proġett tal-parkeġġ pubbliku f’Birżebbuġa, biswit il-Port Ħieles, daħal fil-fażi tal-evalwazzjoni. Fi stqarrija l-Gvern qal li tmien kumpaniji wrew l-interess tagħhom f’dan il-proġett, li se jsir b’investiment ta’ €3.2 miljun mill-Ministeru…

Lokali

Il-Prim Ministru Robert Abela appella għal kompromess u biex jiġu evitati l-estremitajiet ħalli la l-ekonomija u lanqas is-saħħa ma jispiċċaw għarkupptejhom. F’laqgħa mal-imsieħba soċjali, fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali…

Aktar