Kronaka
DBRS tikkonferma r-rating ta’ Malta bħala A (High) b’xejriet stabbli

F’evalwazzjoni oħra tal-ekonomija Maltija, l-aġenzija internazzjonali DBRS ikkonfermat il-credit rating ta’ Malta fil-livell A(High) b’xejriet stabbli. Ir-rapport josserva li mindu Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropa, ras għal ras, il-prodott domestiku gross żdied bi 30 fil-mija u l-aħħar seba’ snin, it-tkabbir ekonomiku kien aktar minn tliet darbiet il-medja Ewropea.

L-ekonomisti ta’ DBRS assenjaw ir-rating fil-livell A (High) b’xejriet stabbli wara li qiesu li fl-aħħar seba’ snin l-ekonomiija Maltija kibret b’ 7 fil-mija fis-sena u li Malta għandha ekonomija diversifikata. Żiedu jgħid li dan wasal biex attira ħaddiema barranin u investiment imħeġġeġ ukoll minn sistema ta’ taxxa li tħajjar l-investiment barrani.

L-ekonomisti qalu li bis-saħħa ta’ titjib fl-andament ekonomiku u b’politika fiskali prudenti, il-gvern tejjeb il-qagħda finanzjarja tiegħu b’surplus fil-finanzi tal-gvern u tnaqqis fid-dejn li niżel għal kważi 43 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross.

L-ekonomisti tal-aġenzija DBRS qalu li minkejja domanda internazzjonali iktar dgħajfa u minkejja turbulenzi politiċi riċenti, xorta jistennew li l-ekonomija Maltija ser tkompli tikber b’rata qawwija u l-gvern ser jibqa’ jkollu surplus. Wissew iżda li b’setturi kbar bħat-turiżmu, il-gaming u s-servizzi finanzjarji, l-ekonomija Maltija hija miftuħa għal xokkijiet internazzjonali anke minħabba l-possibiltà li jidħlu fis-seħħ regolamenti internazzjonali dwar is-sistemi tat-taxxi. Widdbu fuq li l-perċezzjoni dwar il-qafas tal-governanza tajba tista’ tagħmel lil Malta inqas attreanti għall-investiment barrani waqt li nnutaw il-passi li diġà ttieħdu fuq ir-rapport tal-Kummissjoni Venezja.

L-ekonomisti tkellmu dwar vulnerabbiltajiet oħra għall-finanzi tal-gvern, fosthom il-piż tal-azjendi tal-istat u l-piż dejjem jikber mill-pensjonijiet biż-żieda fil-popolazzjoni anzjana. Qalu li l-miżuri li ttieħdu mill-gvern kellhom effett pożittiv iżda qalu li jista’ jkunu meħtieġa aktar miżuri biex ikunu sostnuti s-sistemi tal-pensjonijiet u tas-saħħa.

Mill-banda l-oħra żiedu jgħidu li Malta tista’ tkompli ttejjeb ir-rating tagħha fost oħrajn jekk isaħħaħ il-qafas tal-governanza b’riformi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u fis-sistema tal-ġustizzja. Mill-banda l-oħra, wissew li jistgħu jnaqqsu r-rating jekk it-tkabbir ekonomiku jbatti u d-dejn tal-gvern jerġa’ jibda jiżdied.

Fir-rapport jingħad li bit-tkabbir ekonomiku kważi tliet darbiet aktar mill-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, Malta naqset sew id-distakk ras għal ras mal-pajjiżi Ewropej u llum il-Prodott Domestiku Gross laħaq 84 fil-mija tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, 30 fil-mija aktar milli kien meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea fl-2004.

L-ekonomisti qalu li l-qagħda finanzjarja tal-gvern bdiet tirreġistra surplus minħabba kontroll akbar fuq l-infiq, b’riżultat tat-tkabbir tal-ekonomija u anke bid-dħul li l-gvern kellu mill-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment. Josservaw ukoll li kważi 17 fil-mija tad-dħul kollu tal-gvern jinġabar mit-taxxa tal-kumpaniji li jista’ jkunu affettwati jekk jinbidlu r-regoli tat-taxxa fuq livell Ewropew.

Dwar il-banek lokali, l-aġenzija DBRS qalet li dawn huma f’saħħithom għaliex jaħdmu mudell prudenti li għandhom livell għolja ta’ kapitali. Ir-rapport osserva li Malta għadha fil-proċess li timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport Moneyval biex issaħħaħ l-istrutturi tagħha fis-superviżjoni għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus waqt li nnota li r-rapport li ħareġ f’Lulju li għadda kien ikopri r-riformi li saru sa Novembru tal-2018.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb organizzat mill-kunsill nazzjonali tal-ktieb se jsir online l-11 u l-15 ta’ Novembru minflok ma jsejjaħ in-nies f’dar il-Mediterran il-Belt Valletta. Dan minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19 u l-pariri tal-Awtoritajiet…

Lokali

Melvin Theuma,  l-intermedjarju fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ġie rilaxxat mill-Isptar Mater Dei. Ġimagħtejn ilu huwa ddaħħal l-isptar wara li kien instab f’għadira f’demm b’feriti f’għonqu u fil-kustilji. Dan wara li…

Edukazzjoni

Bil-pjan tal-Gvern hu li f’Settembru jiftħu l-iskejjel, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnnici qal li għaddejjin taħdidiet biex it-tagħlim tat-tfal isir mis-sena skolastika li jmiss bil-miżuri meħtieġa kontra l-imxija tal-Covid. Dr Bonnici tkellem…

Saħħa

L-operazzjonijiet se jerġgħu jibdew min-nhar it-Tnejn li ġej iżda d-direttivi tal-Outpatients se jibqgħu fis-seħħ. Dan intqal mill-MAM fi stqarrija uffiċjali wara l-aġġornament tal-aħbarijiet li ta d-Deputat Mexxej, Dr Chris Fearne…

Aktar