Politika
“Deċiżjonijiet dwar saħħa għandhom jittieħdu mingħajr indħil politiku” – Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, qal li l-Prim Ministru tilef il-kontroll tal-pandemija u b’konsegwenza ta’ hekk daħħal lill-pajjiż ġo ħajt.

Intervistat fuq NET FM, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-pajjiż qed ibati minħabba dik iddeskriva bħala suppervja u arroganza tal-Prim Ministru li qal ma riedx jisma’ mill-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Wera l-fehma li l-pajjiż jinsab f’sitwazzjoni ta’ emerġenza ta’ saħħa pubblika u appella biex l-awtoritajiet tas-saħħa jieħdu deċiżjonijiet mingħajr indħil politiku.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, qal li l-pandemija ħarbet minn idejn il-Prim Ministru u sostna li qed idur fuq l-Oppożizzjoni għax ma jafx kif għandu jmexxi ‘l quddiem. Qal li dan qed iwassal għal pressjoni żejda fuq is-servizzi tas-saħħa b’konsegwenza li l-operazzjonijiet qed ikollhom jiġu posposti u missirijiet mhux jitħallew joqogħdu fejn marthom fl-Isptar Mater Dei qabel iwelldu.

Intervistat fuq NET FM, il-Kap Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni ilha x-xhur tagħti l-pariri u tappella lill-Gvern biex iħalli lill-esperti tas-saħħa jiddeċiedu huma t-triq ‘il quddiem. Dr Grech qal li l-Prim Ministru ried jagħmel ta’ rasu u ġab lill-pajjiż f’din is-sitwazzjoni minħabba dak li sejjaħ suppervja u arroganza tal-Prim Ministru. Irrimarka li dan hu mument li nxammru l-kmiem u jittieħdu l-miżuri meħtieġa għall-pajjiż.

Qal li issa, biex jipprova jaħrab, il-Prim Ministru spiċċa jattakka lill-ġurnalisti. Dwar l-għeluq tar-ristoranti, Dr Grech qal li l-messaġġi kunfliġġenti tal-Gvern wasslu biex spiċċaw qed ibatu n-negozji. Dwar l-istazzjon nazzjonali, Dr Grech wera l-fehma li dan mhux jitħalla jxandar kif suppost u l-Partit Nazzjonalista qed jiġġieled bil-midja tiegħu kontra l-midja tal-Partit Laburista u tal-istazzjon nazzjonali.

Dr Grech irrefera għall-allegazzjonijiet li saru fil-Parlament li deputati tal-Oppożizzjoni talbu biex jieħdu t-tilqima qabel kien imisshom. Stqarr li hu tkellem ma’ dawn id-deputati u qal li ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet, u li hu jemmen lilhom. Allega li d-Deputat Prim Ministru gideb u għalhekk talab ruling mill-Ispeaker dwar dan il-każ. Irrefera għall-inkjesta indipendenti li talab dwar il-programm tat-tilqim għax qal li ma jistax ikun li jkollok nies preferuti fuq l-anzjani u persuni vulnerabbli.

Dr Grech qal li l-Partit Nazzjonalista għandu s-soluzzjonijiet għall-isfidi tal-pajjiż u mill-Oppożizzjoni qed jagħti d-direzzjoni li għandu bżonn il-pajjiż.