Lokali
Defiċit ta’ €848.9 miljun bejn Jannar u Ġunju

Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar il-finanzi tal-Gvern għall-ewwel sitt xhur tas-sena juru li minkejja li d-dħul żdied b’rata akbar min-nefqa, dan ma kienx biżżejjed biex jiġi reġistrat bilanċ. Fil-fatt, bejn Jannar u Ġunju, il-Gvern irreġistra defiċit ta’ kważi €850 miljun.

Bejn Jannar u Ġunju, id-dħul rikorrenti tal-Gvern żdied b’aktar minn 18% fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra u kien ilaħħaq l-€2,162. L-akbar żieda fid-dħul kienet ġejja mit-taxxa fuq id-dħul, is-sigurtà soċjali u t-taxxa fuq il-valur miżjud, il-VAT.

Mill-banda l-oħra, fl-ewwel nofs tas-sena n-nefqa tal-Gvern qabżet it-€3,010 miljun; li jfisser kważi 11% ogħla mis-sena ta’ qabel.

Fost l-affarijiet li kkontribwew għaż-żieda fin-nefqa kien hemm l-iskemi ta’ għajnuna minħabba l-pandemija bħal dawk lin-negozji li għalihom ġew dedikati qrib il-€200 miljun. Żidiet oħra kienu rappurtati fil-ftehimiet għall-konċessjoni tal-isptarijiet, il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, għat-trasport pubbliku, għall-iskejjel tal-Knisja u għall-iskema tal-vawċers maħsuba biex jirriġeneraw l-ekonomija.