Knisja Maltija
Dehra ġdida għall-kwadri laterali tal-Bażilika ta’ San Ġorġ fir-Rabat, Għawdex

Ingħataw dehra ġdida wara proġett ta’ restawr żewġ kwadri laterali tal-Bażilika ta’ San Ġorġ, fir-Rabat Għawdex. Il-kwadri fihom pitturi tal-artist Francesco Zahra juru mumenti minn tmiem il-ħajja ta’ San Ġorġ.

Tlesta r-restawr fuq żewġ pitturi ta’ Francesco Zahra, li juru mumenti minn tmiem il-ħajja ta’ San Ġorġ, flimkien mal-gwarniċi tagħhom li jinsabu fil-Bażilika ta’ San Ġorġ fir-Rabat, Għawdex.

Ix-xogħol sar bejn Jannar u Ġunju wara li nkisbu fondi Ewropej bħala parti mill-Proġett Kura mmexxi mill-Kurja t’Għawdex.

Iż-żewġ kwadri mdaqqsa nqalgħu minn posthom u ttieħdu fil-laboratorju tal-kumpanija Atelier del Restauro biex sarilhom ix-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni. Fuq il-post fil-Kor tal-Bażilika sar restawr fuq iż-żewġ gwarniċi barokki ta’ injam indurat, li huma ta’ valur u jmorru lura għall-istess epoka, b’disinn li aktarx ħareġ minn idejn l-istess artist.

Il-pitturi saru fl-1763 u juru lil San Ġorġ quddiem l-Imperatur Djokleżjanu u l-Martirju tal-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġorġ. Dawn kienu ngħataw lill-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ mill-Arċipriet ta’ dak iż-żmien, Dun Giacomo Galea. Jidher li l-pitturi saru biex jikkumplimentaw ix-xbieha ċentrali fl-istess Kor: il-Kwadru titulari ta’ San Ġorġ rebbieħ fuq id-dragun, impitter minn Mattia Preti fl-1678.

Barra li huma l-akbar u l-aħjar xogħlijiet li għandu Zahra f’Għawdex, dawn iż-żewġ opri monumentali saru fil-maturità tal-artist, fil-perjodu li fih laħaq il-quċċata tal-karriera tiegħu, u jistgħu jitqabblu ma’ wħud mill-aqwa kapulavuri tiegħu.

Bħalissa fil-Bażilika ta’ San Ġorġ għaddej ukoll il-proġett tar-restawr tal-koppla minn ġewwa u minn barra, u fi żmien qasir mistenni jibda wkoll dak tal-faċċata u l-qniepen.

Aħbarijiet Oħra
Festi

Fid-dawl tal-każ tal-Kappillan Deo Debono li qed jiġi implikat fis-serqa ta’ arti sagra, is-sagristan tal-parroċċa kkonferma ma’ TVM li l-festi esterni ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta tħassru. Ikkuntattjat minn TVM,…

Politika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jemmen li l-Ewroparalamentari Nazzjonalisti ser jimxu mad-direzzjoni tal-partit u jivvutaw favur in-nomina ta’ Helena Dalli bħala Kummissarju Ewropew fl-aqwa interess tal-pajjiż. Intervistat ilbieraħ filgħaxija fid-Dar…

Lokali

Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli tistqarr li jkun żball jekk il-kannabis tiġi ppreżentata bħala sustanza li tista’ tintuża għal skop rikreattiv. Waqt il-programm Ras imb ras hija spjegat x’se jagħmel…

Aktar