Infrastruttura
Dehra isbaħ lill-qalba tal-Imqabba dalwaqt

Fadallu biss l-aħħar irtokki l-proġett tar-riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Imqabba.

Il-proġett qed isir mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet b’investiment totali ta’ €4 miljun meta tinkludi s-sistema għall-ġbir tal-ilma tax-xita li se ttaffi l-problema tal-għargħar fil-lokalità.

Ix-xogħol infrastrutturali u l-pavimentar tal-pjazza lest u fil-jiem li ġejjin, il-ħaddiema se jgħaddu l-wires tad-dawl minn taħt l-art u jagħtu wċuħ ta’ asfalt f’diversi żoni qrib il-pjazza fost xogħlijiet oħrajn.

Is-Sindku tal-Imqabba, Omar Farrugia, qal li r-residenti ilhom snin għatxana għal dan il-proġett li qal ta bixra moderna lill-pjazza tar-raħal.

Il-Ministru għall-Infrastruttura, Ian Borg, tenna l-impenn tal-Gvern li jagħti lura l-ispazji pubbliċi lin-nies bi proġetti ta’ tisbiħ f’lokalitajiet oħrajn.