Lokali
Dehra isbaħ liż-żona ta’ Liesse fil-Belt b’investiment ta’ €150,000

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, ħabbar investiment ġdid fin-naħa ta’ isfel tal-Belt.

Il-Ministru Bartolo ħabbar li fil-jiem li ġejjin se jibda xogħol fiż-żona ta’ Liesse fil-Belt b’investiment ta’ €150,000. Il-Ministru Bartolo qal li b’dan l-investiment se tingħata dehra isbaħ ‘l din iż-żona. Wera l-fehma li Ta’ Liesse kapaċi tkun mutur ekonomiku fosthom għat-turisti li jżuru l-kapitali. Waqt li elenka l-iskemi li tħabbru biex jgħinu l-operaturi turistiċi waqt il-pandemija, il-Ministru Bartolo qal li għall-ewwel darba fi 22 sena fix-xahar ta’ Settembru ġew iktar turisti minn Awwissu. Irrimarka kif ġew salvati 100,000 impjieg fis-settur privat bis-suppliment tal-pagi.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, Deo Debattista, qal li se jsir studju biex għall-ewwel darba f’Malta, jitwaqqaf laboratorju biex janalizza l-kwalità tal-mediċini. Irrimarka li l-Awtorità kompliet tassigura l-aċċessibbiltà tal-mediċini għall-konsumatur fosthom bir-roħs ta’ iktar minn 300 mediċina u ż-żieda ta’ iktar minn 220 mediċina ġenerika ġdida. Irrefera għall-ħidma li qed issir mill-Awtorità għall-Affarijiet tal-Konsumatur biex timmodernizza l-istandard nazzjonali tat-tiswijiet tal-karozzi filwaqt li d-Diviżjoni tat-Tindif se tkompli timmodernizza l-makkinarju biex titjib l-indafa pubblika.