Unjoni Ewropea
Delegazzjoni mill-Parlament Ewropew tħeġġeġ lill-Gvern isolvi l-qtil ta’ DCG

Fi tmiem żjara oħra f’Malta, delegazzjoni minn kumitat tal-Parlament Ewropew ħeġġet lill-Gvern isolvi l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u jindirizza każi allegati ta’ korruzzjoni. F’laqgħa ma’ tliet Ministri, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne appella lill-Ewroparlamentari biex jitkellmu dwar fatti u mhux dwar allegazzjonijiet anke fl-isfond li ġiet konkluża l-inkjesta dwar l-Egrant.

Delegazzjoni mill-Kumitat għall-Ġustizzja u l-Libertajiet Ċivili tal-Parlament Ewropew, li għal darba oħra stħarrġet is-saltna tad-dritt f’Malta, qalet li tħoss li hemm ċertu passività fuq ċerti investigazzjonijiet, fosthom dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Id-delegazzjoni indirizzat lill-media wara jumejn ta’ laqgħat, fosthom mal-Avukat Ġenerali, mal-Kummissarju tal-Pulizija, Ministri tal-Gvern u xi għaqdiet mhux governattivi.

Il-Kap tad-delegazzjoni, l-Olandiza Sophia In’t Veld, saħqet li l-awtoritajiet ma jistgħux jitnikkru fl-investigazzjonijiet li jkunu meħtieġa, u ilmentat minn dik li sejħet passività fl-investigazzjonijiet.

“I can see people pointing at each other, saying it should be the police, no it should be the magistrate, no there should be a formal complaint or report, whereas if there is suspicious activity or criminal activity, you have to start an investigation as soon as possible,” qalet In’t Veld.

Qalet li għalkemm l-istituzzjonijiet tal-pajjiż jidhru li qed jaħdmu tajjeb, tinħass nuqqas ta’ fiduċja fl-awtoritajiet u għalhekk trid issir xi haga biex l-Gvern ikun kontabbli, trasparenti u jikkomunika mal-pubbliku.

Fost suġġetti oħra li qajmet id-delegazzjoni kien hemm il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment għax qalet li dan jista’ jservi ta’ bieb għal persuni biex jidħlu fl-Unjoni Ewropea, l-investigazzjoni dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi dwar il-Panama Papers u s-servizzi finanzjarji.

Qalet li d-delegazzjoni ingħatat kopja tar-rapport tal-inkjesta dwar EGRANT, li kkonkludiet li ma nstabet l-ebda evidenza li din il-kumpanija hija ta’ mart il-Prim Ministru. Qalet li wieħed għad irid jara dan x’ifisser filwaqt li saħqet li huwa fl-interess tad-demokrazija li r-rapport sħiħ ikun għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar laqgħa tal-ewroparlamentari kienet mad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Ministri Owen Bonnici u Edward Scicluna. F’kummenti lill-media, Dr Fearne qal li l-Gvern talab lid-delegazzjoni biex tirrapporta il-fatti, issa li tlestiet l-inkjesta Egrant li stabbilixxiet li l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tal-Prim Ministru u martu kienu foloz.

“Aħna spjegajna li l-allegazzjonijiet l-oħra serji li hemm u li ilhom isiru għal numru ta’ xhur u snin kollha qed jiġu investigati, u allura tlabnihom li bħal ma għamilna aħna, nistennew l-eżitu ta’ dawn l-allegazzjonijiet biex inkunu nistgħu nitkellmu fuq il-fatti,” qal id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.

Żied jgħid li spjegaw lid-delegazzjoni li Malta hija pajjiż bi storja twila ta’ tħaddim tal-prinċipji demokratiċi u li ħadd mhu ‘l fuq mil-liġi. Dr Fearne qal li fl-aħħar snin id-dritt tal-libertà tal-espressjoni u l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-pajjiż issaħħu b’liġijiet kontra l-ħasil ta’ flus. Qal ukoll li l-Gvern saħħaħ l-istituzzjonijiet inkluż dawk parlamentari, li jistgħu jagħmlu skrutinju tal-politiċi, u ta’ min jidħol fil-ħajja pubblika.

Aħbarijiet Oħra
Festi

Tliet politiċi kienu fost tnejn u għoxrin personalità li ġew onorati bid-dekorazzjonijiet tal-istat. Magħhom ġew onorati wkoll diversi personalitajiet għas-servizzi li taw fil-karrieri distinti tagħhom. Fosthom jispikkaw il-kuntistabbli Simon Schembri,…

Stejjer Umani

Omm Maltija tista’ tgħix ħajja normali wara li rċeviet trapjant minn organu ta’ baqra. Shirley Fenech, omm Maltija, għexet ħajja normali sal-2016 meta ħabta u sabta ħassha ħażin, intilfet minn…

Lokali

Il-Prim Minsitru tar-Renju Unit, Theresa May, qalet li hi mhix se tmexxi l-Partit Konservattiv għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, erba’ snin oħra. May għamlet din id-dikjarazzjoni fi Brussel qabel daħlet għal-laqgħa…

Lokali

Qed jinbidlu bħalissa l-bozoz kollha li jdawlu t-toroq ewlenin f’Malta fi proġett li mistenni jnaqqas il-konsum tal-elettriku b’madwar 70%. Il-bozoz il-ġodda, aktar minn tliet elef, huma tal-għamla LED u joffru…

Aktar