Politika
Delia jgħid li l-Gvern m’għandux pjani biex iqajjem l-ekonomija meta tgħaddi l-pandemija

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia qal li l-pajjiż jinsab f’salib it-toroq u l-Gvern m’għandux pjani biex iqajjem l-ekonomija meta tgħaddi l-imxija. Dr Delia qal li l-mudell ekonomiku tal-Gvern falla u kien qed jgħix f’illużjoni meta għażel li jkabbar l-ekonomija biż-żieda fil-popolazzjoni.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li l-Gvern qed ikun passiv għax mhux jippjana x’se jiġri biex iqajjem l-ekonomija wara li tgħaddi l-imxija. Dr Delia qal li waqt li l-pajjiż qiegħed f’salib it-toroq, il-Ministru tal-Ekonomija ma jafx kemm hawn nies li spiċċaw b’ta’ fuqhom senduqhom minħabba l-pandemija.

Intervistat fuq il-midja tal-partit Nazzjonalista, Dr Delia qal li l-Oppożizzjoni ressqet pjan ekonomiku biex bl-investiment u l-għaqal tal-Maltin, nibnu ekonomija ġdida. Fuq ir-rapport tal-Moneyval, il-Kap Nazzjonalista wissa li jekk Malta ma tgħaddix minn dan it-test, il-pajjiż jitpoġġa fuq il-lista s-sewda u tbati l-ekonomija. Qal li l-Oppożizzjoni lesta tgħin iżda l-Gvern qed jibqa’ jwebbes rasu.

Huwa qal li l-Gvern kien qed jgħix f’illużjoni meta għażel li jkabbar l-ekonomija billi jġib 10,000 barranin fis-sena fil-pajjiż. Hu rrimarka li dan il-mudell ekonomiku falla għax f’qasir żmien waqa’ kollox. Dr Delia argumenta l-Gvern missu investa d-€90 miljun fis-sena li qed jagħti lill-Vitals fl-ekonomija fosthom fil-qasam tas-saħħa.

Dwar il-governanza, Dr Delia qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem ħadem għal istituzzjonijiet indipendenti. Qal li għall-Partit Laburista, l-istituzzjonijiet huma għodod f’idejh. Allega li l-Gvern irid jaħtaf ix-xandir pubbliku u l-istituzzjonijiet biex jikkontrolla lin-nies. Hu akkuża lill-Avukat Ġenerali qed jiddefendi lill-barranin li ħadu l-isptarijiet minflok jiddefendi n-nies. Il-Kap Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni trid Kummissarju tal-Pulizija li ma jħares lejn wiċċ ħadd.

Hu staqsa kif l-ex Ministru Konrad Mizzi baqa’ ma ġiex investigat meta allega li seraq lill-poplu ferm iżjed mir-reati kriminali kollha li saru fl-aħħar seba’ snin u lanqas biss qiegħed f’Malta biex iwieġeb. Dr Delia staqsa kif il-kumpanija Nexia BT ingħatat liċenzja biex topera fil-qasam tal-cryprtocurrency minkejja li kienet involuta fil-Panama Papers.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Maħżen tal-festa nbidel fi klassi fi proġett biex il-prattika ta’ snajja tradizzjonali li jispikkaw fil-festi Maltin tintiret u ma tmutx. Il-proġett tmexxa mill-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija ta’ Ħal Luqa, li…

Infrastruttura

Inkonvenjent li ilu snin jurta lill-Birżebbuġin se jiġi indirizzat bi proġett li Infrastructure Malta qalet se tibda fi tmiem dan is-sajf. Il-proġett hu maħsub li jtaffi l-problema tal-għargħar, ikkawżata mill-baħar…

Lokali

Mil-lejla bdew jiġu organizzati l-pellegrinaġġi fl-okkażjoni tal-festi tal-ibliet u l-irħula li se jibqgħu għaddejjin sat-8 ta’ Diċembru meta tiġi ċċelebrata l-Kunċizzjoni f’Bormla. Illejla, tliet lokalitajiet qed jorganizzaw dawn il-pellegrinaġġi: Ħal…

Tradizzjonijiet

Jumejn ‘il bogħod mill-Jum Internazzjonali tal-Bizzilla, grupp ta’ persuni nġabru fil-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija, fil-Palazz tal-Inkwizitur il-Birgu, biex jaħdmu bizzilla tradizzjonali Maltija. Jekk hemm xi impressjoni li l-arti tradizzjonali tal-bizzilla qed…

Aktar