Politika
Delia u Grech jgħidu li d-due diligence kien ċertifikat li m’hemm xejn ħażin li jista’ jtappnilhom ir-reputazzjoni

Ġimgħa qabel l-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, iż-żewġ kandidati li qed jikkontestaw f’din l-elezzjoni, Dr Bernard Grech u Dr Adrian Delia kienu intervistati fuq NET FM dwar il-ħlas pendenti tat-taxxa li kellhom, il-Covid, u kwistjonijiet attwali oħra. Huma kienu qed jiġu intervistati fl-isfond li bħalissa qed issir il-votazzjoni bikrija, tant li skont il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista fl-ewwel jum tal-bieraħ ivvutaw sittax fil-mija tat-tesserati eliġibbli li jivvutaw.

Intervistati fuq Net FM mill-editur ta’ The Malta Independent, il-kandidati Bernard Grech u Adrian Delia wieġbu mistoqsijiet dwar il-ħlas b’lura tat-taxxa, bit-tnejn li huma stqarrew li r-rapport ta’ due diligence kien ċertifikat li kkonferma li m’hemm xejn ħażin li jista’ jtappan ir-reputazzjoni tagħhom.

Dwar l-kritika li saritlu għaliex issokta bil-kampanja meta martu rriżultat pożittiva għall-Covid, Dr Grech saħaq li hu qatt ma ntalab jagħmel kwarantina mandatorja u iżola ruħu b’mod volontarju. Akkuża lill-Partit Laburista qed jaħdem kontrih biex jimmina l-futur tal-Partit Nazzjonalista. Dwar il-ftuħ tal-iskejjel, Dr Grech qal li l-Gvern inqabad bla strateġija. Qal li ma kienx ġust li l-għalliema, it-tfal, ġenituri u mexxejja tal-iskejjel tħallew fl-għama, bi skejjel li nefqu eluf ta’ ewro u se jkollhom ibiddlu għax issa ħarġu struzzjonijiet ġodda.

Mistoqsi dwar il-programm taċ-ċittadinanza b’investiment, Dr Grech wieġeb li jekk isir Kap, irid li tibqa’ ssir pressjoni biex kull min isir ċittadin Malti, jagħmel dan għax interessat fil-pajjiż u mhux għax huwa sinjur jew kriminal. Min-naħa tiegħu, meta mistoqsi dwar is-sitwazzjoni li qed tiżviluppa minħabba l-Covid, Dr Delia kkritika lill-Gvern għad-deċiżjonijiet li qal ittieħdu b’mod mgħaġġel qabel is-sajf u li issa qed jirrendu f’effetti ħżiena, tant li kuljum qed imut xi ħadd.

Mistoqsi dwar il-Vitals, Dr Delia wieġeb li l-Maltin u l-Għawdxin qed jinsteraq kwart ta’ miljun ewro kuljum. Staqsa lill-Prim Ministru fejn huma l-esperti biex jistħarrġu dan il-ftehim tal-Vitals. Dwar il-kontijiet tad-dawl, Dr Delia wiegħed li Gvern Nazzjonalista jnaqqashom bin-nofs biex il-familji u n-negozji ma jibqgħux jinsterqu, filwaqt li dik li l-Partit Laburista kien isejjaħ fabbrika tal-kanċer qabel l-elezzjoni tal-2013, issa saret fabbrika tal-korruzzjoni, b’referenza għall-power station ta’ Delimara.

Mistoqsi jekk kienx żball meta neħħa lil Simon Busuttil mnn kelliem tal-Oppożizzjoni għall-governanza tajba, Dr Delia qal li se jkompli jiġġieled il-korruzzjoni biex jirreżenjaw persuni bħal Konrad Mizzi u Chris Cardona, l-eks Avukat Ġenerali, l-eks Kummissarju tal-Pulizija u Keith Schembri. Qal li l-Prim Ministru Robert Abela għandu jdejh marbutin għaliex għandu lil Joseph Muscat bħala konsulent u kemm se jdum hemm l-affarijiet se jibqgħu l-istess.