Qorti
AĠĠORNAT: Joseph Bonnici ma riedx jidħol mal-Pulizija fl-għalqa għax ma kienx hemm xena sabiħa

Illum kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ ta’ Joseph Bonnici, li qed ikun akkużat bil-qtil ta’ ommu Maria Lourdes u oħtu Angele f’Ħal Għaxaq.  Illum fil-Qorti xehed sid il-ħanut li jimpjegah, is-Surġent li f’isem il-prosekuzzjoni ressaq lil Bonnici b’arrest fil-Qorti x-xahar li għadda, kif ukoll l-Ispettur li mar fl-għalqa fejn kien hemm midfuna omm u oħt l-akkużat.

Fil-Qorti dalgħodu xehed Silvan Carabott li jimpjega lil Bonnici fin-negozju tal-fjuri u qal li l-Ġimgħa kellmuh il-Pulizija meta mar jiġbor il-vann minn quddiem id-dar tal-akkużat għax  kellu bżonnu biex ipoġġih f’postu.  Il-Pulizija qalulu li għandhom bżonn il-vann biex jagħmlu xi testijiet fuqu.

Carabott qal li l-Erbgħa filgħodu Bonnici talbu biex joħroġ bil-leave għax qallu li kien qed iħossu ma jiflaħx.  Żied jgħid li Bonnici deher ma jiflaħx u kien ukoll jidher għajjien, hekk kif għamel operazzjoni ftit taż-żmien ilu.  Kompla jgħid li l-Ħamis Bonnici ċempillu biex jinfurmah li se jibqa’ bil-leave għax mhux iħossu sew.

Fil-konverżazzjoni bit-telefown, Carabott qal li Bonnici kien qallu li għandu bżonn il-leave għax kien ġralha xi ħaġa oħtu.  Qal li ma kienx jaf xi ġaralha u l-Ġimgħa filgħodu skopra x’kien ġara x’ħin qam. Imbagħad x’ħin rah ġej lura l-Ġimgħa, qal mela kollox sew.  Bħala ħaddiem, Carabott qal li Bonnici jaħdem tajjeb u tal-affari tiegħu.

Meta sar il-kontro-eżami mill-avukat tal-akkużat Franco Debono, Carabott qal li Bonnici ilu jaħdem miegħu sentejn. Silvan qallu li maħbub min-nies u x-xogħol kien jagħmlu saħansitra aħjar minnu.

Carabott qal li meta ġara l-każ, in-nies bdew jgħidulu “Kif jista’ jkun li kien involut Joseph Bonnici? Dak raġel mill-aħjar”.  Żied jgħid ukoll li qatt ma ra aggressjoni mingħand Bonnici u li qatt ma kellu xi jgħid ma’ ħadd, lanqas mal-klijenti.

Xehed ukoll is-Surġent Malcom Pace u qal li dakinhar li tressaq b’arrest, waqt li kienu sejrin il-Qorti, l-akkużat qallu, “M’hemmx x’tagħmel la l-moħħ ħadem hekk”.  Is-Surġent qal li Bonnici għamel idejh ma’ wiċċu u beda jibki u beda jgħidlu skużani, skużani. Qallu li kulma kellu €50 u biha jrid jibda mill-ġdid.

L-Ispettur Roderick Attard xehed li fil-mument li l-akkużat qalilhom fejn huma l-iġsma ta’ ommu u oħtu, Bonnici ammetta li kien hu qatilhom iżda ċaħad li stupra lil oħtu.

L-Ispettur Attard qal li l-akkużat qallu li xorta waħda kien se jispiċċa l-ħabs. Meta marru fl-għalqa fi Trejqet Santu Kristu f’Ħal Għaxaq fejn kien hemm l-iġsma, l-Ispettur Attard qal li l-akkużat ma riedx jidħol magħhom għax qalilhom li ma kienx hemm xena sabiħa.

Ara wkoll:

“Qalli li jħobb lil ommu” – zija ta’ Joseph Bonnici

Aħbarijiet Oħra
Storja

Magna ta’ ajruplan tal-gwerra, li possibilment iġġarraf fit-Tieni Gwerra Dinija, kienet irkurprata minn qiegħ il-baħar fil-bokka tal-Port il-Kbir wara ħidma konġunta bejn l-Università ta’ Malta, Heritage Malta u l-Forzi Armati….

Teknoloġija

Wara l-ajruplani, issa anke l-vetturi bdew jiġu jiġu mgħammra b’kaxxa sewda, li normalment tkun f’nofs il-vettura. Għalkemm s’issa din mhijiex obbligatorja, aktar manifatturi tal-karozzi qed jinkluduha. Fost aktar miżuri biex…

Infrastruttura

Waħda mill-kawżi ewlenin ta’ ħruġ ta’ drenaġġ fit-triq u fil-baħar ġejja minn katusi tal-ilma tax-xita li qed jitqabbdu direttament mas-sistema tad-drenaġġ. Jirriżulta li ħafna ma jafux li dan hu l-każ…

NGOs

Seba’ għaqdiet mhux governattivi Maltin se jwettqu tmien proġetti fl-Afrika bl-għajnuna ta’ madwar nofs miljun ewro mill-programm tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Il-proġetti jvarjaw minn skola ġdida għall-bniet f’żona rurali…

Aktar