Barranin
Demi Lovato tgħid li sofriet minn 3 puplessiji u attakk tal-qalb

Dokumentarju ġdid dwar Demi Lovato se jiżvela dwar kif kienet f’xifer il-mewt u sofriet minn tliet puplessiji u attakk tal-qalb.

F’Dancing With The Devil, li se jixxandar fuq YouTube x-xahar id-dieħel, Demi Lovato, tiftaq qalbha u tirrakkonta dak li għaddiet minnu fl-2018 meta kellha overdose ta’ droga.

Il-kantanta ta’ 28 sena kienet iddaħħlet l-isptar wara li nstabet mitlufa minn sensiha f’darha f’Los Angeles. Dan wara li kienet ilha ssoffri sitt snin mill-pjaga tal-vizzju tad-droga u x-xorb.

Hija żvelat kif it-tobba kienu tawha biss bejn 5 u 10 minuti ħajja.

Fl-intervista, il-kantanta tiżvela li d-droga ħalliet impatt ħażin fuq moħħha u għadha ssoffri r-riperkussjonijiet tad-droga sal-lum il-ġurnata. Hija titkellem ukoll dwar is-saħħa mentali tagħha.